Xjentisti qed jgħidu li sas-sena 2050 se jkun hemm aktar plastik fil-baħar milli se jkun hemm ħut. Hekk spjegat il-preżentatriċi Maltija Clare Agius f’filmat li jqabdek il-biki u jġiegħlek tintebaħ l-importanza tar-riċiklaġġ.
Clare tispjega kif dan ifisser li t-tfal tat-tfal se jkunu qed jgħumu fil-plastik bil-gravità tal-każ tant se jkun serju li l-plastik se jispiċċa ffossilizzat hekk kif il-materjal hu ferm diffiċli biex jitkisser maż-żmien fejn għandu bejn 450 sena biex forsi jinqered sa qatt. Fil-filmat Clare tirrakkonta numru ta’ stejjer fosthom l-istorja tal-mijiet ta’ għasafar li nstabu mejta kawża tal-istonku mimli plastik li kellhom, fejn għasafar li kellhom iż-żgħar fil-bejta spiċċaw temgħu lill-frieħ tagħhom il-plastik minflok xi biċċa ħuta.
Każ ieħor kien dak ta’ balena żgħira li nstabet mejta mal-kosta tat-Tajlandja bil-kawża ewlenija tkun dik li kielet ammont ta’ boroż tal-plastik.
Materjal, li jgħaddi kemm jgħaddi żmien jibqa’ jeżisti u jeqred għadd ta’ speċi fil-baħar.
Clare ttemm l-filmat b’messaġġ b’saħħtu fejn tgħid lil dawk li qed jaraw il-filmat “Ieqaf itma’ lil dan il-monstru tal-plastik!”, bil-filmat jintemm bil-messaġġ “Uża biss basktijiet li tista’ terġa’ tuża. Naqqas ix-xiri tal-plastik u imla l-fliexken. Irriċikla.”