Kien iħobb ikun man-nies, jitkellem magħhom u jitgħallem mingħandhom. Kien jisma’ mill-qalb lil kull min kien jgħallmu u jkun ċert li fehem lil dak li jkun.
Hekk iddeskriva lill-eks Prim Ministru u Mexxej Laburista, Dom Mintoff, ħuh iż-żgħir, Parti Dijonisju Mintoff, f’intervista ma’ din il-kamra tal-aħbarijiet, f’għeluq l-għaxar snin mill-mewt tiegħu.
Patri Dijonisju rrakkonta kif jaf lil ħuh dejjem fil-politika, hekk kif ta’ sittax-il sena diġà kien Segretarju Ġenerali tal-Partit Laburista.
Jiftakar lil ħuh dejjem man-nies u tul ħajtu, anki wara li waqaf mill-politika, baqa’ jiltaqa’ man-nies. Jirrakkonta kif is-Sibt filgħodu, ħuh kien imur f’uffiċċju żgħir il-Belt u jistenna n-nies.
Qal, “Mindu daħal fil-politika sakemm miet, jiġifieri kien telaq u kollox, is-Sibt mill-10:30am sa 12pm kien jistenna n-nies u jitkellem man-nies u jistenna hemm, tista’ taqa’ d-dinja għax dak il-ħin huwa tan-nies.”
Patri Dijonisju jgħid li ħuh kien isegwi ħafna dak kollu li jkun qed jiġri madwaru u rrakkonta x’kien iħażżeż mal-ħajt tal-uffiċċju tiegħu, il-Perit Mintoff.
Irrakonta, “F’dan l-uffiċċju l-kbir kien ikollu l-gazzetti, salt gazzetti, u kull mhu ġdid kien jikteb mal-ħajt. Allura jekk sar Prim Ministru ġdid hawn jaf, jekk sar Prim Ministru fl-Italja jaf, jekk sar Franza jaf u jgħidlek meta sar u d-data u l-ħin u min opponih u min riedu, u min kien sinċier miegħu u min daħaq bih. Ma’ kull kitba li għandu għandu storja.”
Patri Dijonisju qalilna r-raġuni għaliex ħuh għażel li jsir Perit.
Hawn stqarr, “Jgħid li ħa l-professjoni ta’ perit għal dik ir-raġuni biss, għax professjoni li ma torbtux, bħal professjonijiet oħra. Allura kien ikollu żmien għall-politika u biex ikun man-nies.”
Ħu l-Perit Mintoff irrakkonta magħna li ħuh kellu għal qalbu lill-belt ta’ Bormla, li fiha trabba.
Hawn semma kif wara t-Tieni Gwerra Dinjija, Dom Mintoff kien Ministru għar-Rikostruzzjoni u x-Xogħol u hemmhekk reġa’ bena mill-ġdid il-belt li kienet tant għal qalbu, dan apparti li bena lokalitajiet ġodda.
Qal, “Kull min kellu żiemel u kellu kaxxa, kien impjegat miegħu għax 24 hours a day, lejl u nhar, għaddejjin biż-żiemel, bit-trab, bil-ġebel, biex jibni, biex jibni u jerġa’ jtellagħha u reġa’ tellagħha hu – mill-bidu sal-aħħar, kull ma’ kien hemm.”
Patri Dijonisju qalilna x’kien tfisser it-tarzna għal Duminku Mintoff.
Stqarr, “U d-Dockyard hu kien jgħidilha l-iskola. Biex jidħqu bih jew jiċċajtaw miegħu, kienu jgħidulu mhux skola dik, imma universita. Kien jgħidilhom aqwa minn universita, kien jieħu għalih kważi. Għax kien jgħid dawk hemmhekk għandek nies li kienu ħaddiema, min hemm, min hawn, min hemm u jekk trid landier issibu, jekk trid ħaddied issibu u jekk trid electrician issibu u kollha bravi, u kollha tas-sengħa u kollha tajbin.”
Lil hinn mill-politika, Patri Dijonisju Mintoff qalilna li ħuh kien dejjem kien jivvaluta l-ħin mal-għeżież tiegħu.
Patri Dijonisju temm l-intervista magħna billi semma l-passatempi tal-Perit Mintoff, li kien jirrilassa b’affarijet sempliċi, fosthom l-għawm u l-ħin mal-familja.