Fi Brussel qed titlaqqa’ konferenza għolja fuq jumejn dwar il-Bagit li jmiss tal-Unjoni Ewropea, liema ċiklu jidħol fis-seħħ fis-sena 2020. Dan il-Bagit ser ikun wieħed kruċjali għall-pajjizi membri peress li ser ikun qed isir fl-isfond tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea, liema deċizjoni mistennija tħalli effett fuq il-finanzi tal-istess Unjoni. Id-diskussjonijiet li qed isiru fil-fora Ewropej jirrigwardjaw diversi materji, fosthom jekkx iċ-ċiklu magħruf bhala Multi Annual Financial Framework, għandux jibqa’ fuq medda ta’ seba’ snin jew inqas, u jekk għandhux jiżdied il-bagit tal-Unjoni biex din tkun tista’ tipproponi inizjattivi ġodda għas-snin li ġejjin fosthom fis-setturi tar-riċerka, l-innovazzjoni u l-edukazzjoni.
Din il-konferenza kienet ukoll indirizzata mill-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean-Claude Juncker fejn saħaq li l-Unjoni Ewropea għandha l-ewwel tidentifika l-ambizzjonijiet tagħha, u l-pożizzjoni tagħha għaż-żmien li ġej, biex imbagħad il-pajjiżi membri jkunu jistgħu jibdew id-diskussjonijiet formali. Huwa mistenni li l-proposta għall-bagit Ewropew wara s-sena 2020, toħroġ f’Mejju. Il-Kummissjoni Ewropea tixtieq li dan il-bagit ikun approvat sa Mejju 2019, ħalli s-setturi kollha Ewropej li b’xi mod jew ieħor jiddependu fuq il-fondi Ewropej, ikunu mħejja bl-aħjar mod.