Il-Ġimgħa 3 ta’ Frar 1995.
Daqqu l-għaxra ta’ bil-lejl.
F’dik il-ħemda t-Tarzna f’Bormla kienet għaddejja b’xogħolijiet fuq it-tanker Libjan Um El Faroud.
Għaddiet kważi nofs siegħa minn dak il-ħin.
Isseħħ splużjoni li dwiet fil-Kottonera u f’postijiet oħra fil-madwar.
L-affarijiet mal-ewwel dehru li se jieħdu bixra kerha.
F’baċir numru tlieta kienet seħħet traġedja.
Dik l-isplużjoni ħasdet mal-ewwel il-ħajja ta’ seba’ t’irġiel.
Tnejn oħra mietu l-isptar.
Wieħed mill-vittmi kien Simon Mifsud, żagħżugħ mill-Birgu, li mar għal lejl ta’ ħidma fuq dan it-tanker.
Kwart ta’ seklu wara, ommu, Tonina Mifsud spjegatilna li ħebritha qalbha.
“Tfajt ġakketta fuqi, kien hemm pulizija tat-traffic beda jwaqqafni – mill-ewwel ħebbritni qalbi, qisni ħassni ħażin, mingħajr ma kont naf xejn. Ġabli siġġu, hemm ħanut tax-xorb hemm fin-nieżla, niftakar – jalla Alla jtihom l-għajnuna u tiskanta hi emminini ta telgħet karozza tal-mejtin – għedtilhom hemmhekk hemm ibni.” Stqarret Tonina.
Ħamsa u għoxrin sena wara, f’Bormla biswit it-tarzna, tfakkret il-memorja ta’ dawn il-vittmi, f’ċerimonja quddiem il-monument li huwa kkaratterizat mill-ankra ta’ dan it-tanker. F’din iċ-ċerimonja tqegħdu l-fjuri fuq il-monument mill-qraba u ħbieb tal-vittmi, mill-Kunsill Lokali ta’ Bormla u l-General Workers’ Union.
Waqt il-kommemorazzjoni, omm Simon Mifsud qaltilna li d-dulur jibqa’ wieħed kbir.
“Dik il-ħaġa li joħroġ u ma tarahx iktar dik kiefra wisq.” Kompliet tgħid.
Ix-xena dakinhar bil-lejl kienet waħda li tkexkxek.
Iġsma mitluqin bla ħajja, paniku u biki anki mill-kollegi tal-vittmi li ħsiebhom żgur li berren li l-mewt setgħet misset lilhom ukoll.
Minkejja li għadda ż-żmien, il-weġgħa tibqa’.
“Ma tinsa qatt, traġedja kbira, kollha l-familji kollha, ma nistax ninsih avolja għadda dan iż-żmien kollu.” Temmet tgħid.
Illum il-vapur huwa bejta tal-ħut, mgħarraq ftit ‘il barra minn Wied iż-Żurrieq.
Għall-qraba jibqa’ dak il-vapur misħut li ħa l-ħajja ta’ l-għeżeż;
Carmelo Callus, George Aquilina, Simon Pisani, Mario Hales, Angelo Sciberras, George Xuereb, Paul Seguna, Anthony Vassallo u Simon Mifsud.
Ħamsa u għoxrin sena wara, dawn id-disa’ persuni ma jintesewx.
Marru biex jaqilgħu l-ħobża ta’ kuljum u ma rritornawx lejn djarhom.
Is-sliem.