Kollox beda minn hawn, ftit tas-snin ilu.
Jitfasslu l-pjanti u jibda x-xogħol fuq l-akbar proġett infrastrutturali ta’ pajjiżna, il-proġett tal-junction tal-Marsa.
Fl-2018, Infrastruttura Malta tibni mill-ġdid Aldo Moro.
Din it-triq traffikuża saret b’għaxar korsiji biex tibda t-triq għall-flyovers.
Minnufih wara jibda x-xogħol tal-bini ta’ seba’ flyovers.
L-2019 tibda bit-tħaffir tal-pedamenti tal-ewwel żewġ flyovers.
B’kollox saru erba’ mija u sittin pilastru tal-konkos taħt l-art.
Għas-seba’ flyovers hemm tnejn u erbgħin kolonna tal-konkos, apparti l-għexieren ta’ travi tal-azzar biex fuqhom jistrieħu l-flyovers.
It-travi nħadmu t-Turkija u ntramaw fuq il-post, uħud minnhom twal mal-mitt metru.
Dan kien proġett tassew massiċċ.
Qatt ma kien hawn flyovers f’Malta b’erba’ korsiji, l-istorja wriet li dan kien possibbli f’dan il-proġett tal-junction tal-Marsa.
Waħda mill-flyovers twila mitejn u sebgħa u għoxrin metru, l-itwal flyover f’Malta u l-ogħla flyover hi għolja erba’ sulari u nofs, l-ogħla waħda f’pajjiżna.
Għall-proġett li ġie inawgurat il-Ħamis filgħaxija mill-Prim Ministru Robert Abela, flimkien mal-Ministru għall-Infrastruttura u t-Trasport Ian Borg u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi, intużaw mas-sebat elef u ħames mitt tunnellata ta’ konkrit għar-rampi u l-kolonni fost oħrajn.
Ix-xogħol sar bil-għaqal, bl-ebda fatalità u anki bi ħsieb favur l-ambjent.
Fil-fatt fuq il-lant tax-xogħol kien hemm impjanti tal-konkos u tal-asfalt li frankaw mal-erbat elef u ħames mitt vjaġġ tat-trakkijiet u tnejn u għoxrin elf tunnellata inqas emmissjonijiet fl-arja.
Il-materjal li ħareġ mit-tħaffir reġa’ ġie pproċessat u ntuża fil-proġett flok intrema fil-barrieri.
Ir-riżultat ta’ dan kollu; illum ma hemmx traffic lights iżda tnax-il kilometru ta’ toroq mingħajr interuzzjonijiet.
Minn din ir-rotta jgħaddu mal-mitt elf vettura kuljum u tħawwlu tmintax-il elf siġra jew arbuxell.
Hemm ukoll tliet kilometri u nofs ta’ passaġġ għaċ-ċiklisti u żewġ pontijiet biex in-nies jaqsmu t-toroq.
Il-proġett fih ukoll Park & Ride, b’tliet mija u tmenin spazju ta’ parkeġġ, mitejn u ħamsin fanal fit-triq u kilometru u sitt mitt metru ta’ dawl dekorattiv.
Hemm ukoll mas-sitt kilometri ta’ crash barriers u fuq il-proġett ħadmu mal-mitejn persuna.
Tassew dan il-proġett b’investiment ta’ sebgħin miljun ewro jfisser ambizzjoni, għaqal u persevaranza.