Mudella, ballerina u rari ma tarahiex b’daħqa fuq wiċċha.
Francesca. Iċ-ċkejkna ta’ ħames snin li llum qed tiċċelebra s-suċċessi tagħha propju fil-Jum Dinji ddedikat għad-Down Syndrome.
Ommha Michelle spjegatilna l-importanza li niċċelebraw il-kisbiet tal-persuni b’down syndrome għaliex anki huma għandhom il-passatempi tagħhom u aspirazzjonijiet, bħal kull bniedem ieħor.
Qalet kif, “Kif sirna nafu, tieħu xokk u tibki però kulma ridna huwa erbgħa u għoxrin siegħa u mbagħad aċċettajna. Jiena u r-raġel ħarisna lejn xulxin, għidna din it-tifla tagħna u minn hawn ‘l quddiem ħa naħdmu għaliha ħalli hi timxi ‘l quddiem. Filfatt illum qed naraw dak il-frott li aħna ddeċidejna li nagħmlu magħha bħalma kieku jagħmel kull ġenitur ieħor.”
Francesca jaf mhijiex wiċċ ġdid għal bosta hekk kif Michelle taqsam il-vjaġġ ta’ bintha mal-pubbliku bil-għan li tqajjem aktar għarfien dwar din il-kundizzjoni.
Qalet kif, “Bdejt nirrealizza li l-midja soċjali u n-nies hemm barra mhumiex ikunu jafu s-suċċessi tat-tfal u ż-żgħażagħ u l-kbar bid-down syndrome allura ddeċidejt li ovvjament nibda jien u bdejt bi Francesca, poġġejtha fuq il-midja soċjali, għall-ewwel bdejt nibża’ naqra għaliex hija xi ħaġa ġdida però wara li għamilt hekk il-feedback li ħadt min-nies, ovvjament tani s-saħħa u għeni nkompli għaddejja.”
Michelle, li tagħmel parti mill-Assoċċjazzjoni għad-Down Syndrome qaltilna li din ippubblikat numru ta’ ritratti li jagħtu daqqa t’għajn lejn il-kundizzjoni.
Spjegat li, “Jgħidu, ibati mid-down syndrome. Nies bid-down syndrome ma jbatux biha għaliex hija kundizzjoni, jgħixu biha però ma jbatux minnha. Mhijiex marda. Dawn huwa affarijiet li aħna ridna nuru n-nies hemm barra, issa kulħadd jagħmilha b’intenzjoni tajba imma ridna nuru n-nies hemm barra biex aħna aktar nagħmlu inklużjoni, irridu niefqu ngħidu ftit dawn il-kliem.”
Michelle kellha messaġġ x’tgħaddi lil kull ġenitur hemm barra, kemm jekk għandhom tfal bid-down syndrome u kemm jekk m’għandhomx.
Qalet li, “Għixu ġurnata b’ġurnata u l-iktar ħaġa importanti li titratta t-tfal tiegħek daqslikieku m’għandhomx down syndrome. Dawk huma t-tfal tiegħek l-ewwel, importanti li titrattahom bħal kull tfal oħra u hemmhekk tirrealizza kemm jimxu ‘l quddiem u kemm ituk ħafna iktar milli tagħtihom inti. Inti tagħtihom ta’ imma huma jagħtuj ħafna aktar.”
Qabel temmejna din l-intervista, Francesca kellha kelmtejn x’tgħidilna, “I love you!”