Wara l-Istqarrija Ministerjali li għamel il-Prim Ministru fil-Parlament it-Tnejn filgħaxija, b’rabta mal-impenji internazzjonali li kellu f’isem Malta, spikkaw argumenti bla bażi u skorretti tal-Kap tal-Oppożizzjoni u t-tweġibiet ċari u fattwali minn Robert Abela.
Fl-intervent tiegħu, wara li tkellem Dr Abela, Bernard Grech qal li kumpaniji tal-gaming qed jitilqu minn pajjiżna, iżda pronta kienet it-tweġiba tal-Prim Ministru li wera l-fatti kif inhuma.
Qal, “Hu jitkellem u jgħid id-diskors. Jien nitkellem bil-fatti u bl-istatistika. Ħa ngħidlek kemm mhux minnu illi l-kumpaniji fil-gaming u fl-igaming qed jitilqu minn pajjiżna. Dan l-aħħar tliet snin kellna 50 kumpanija iżjed minn ġewwa pajjiżna. L-impjegati f’dan is-settur, f’dawn l-aħħar tliet snin żdiedu b’34%. Fl-2019 kellna 11,747, fl-aħħar tal-2022 kellna 15,747. Mela dak li qed jgħid il-Kap tal-Oppożizzjoni, l-istatistika tmerih kompletament.
Fuq is-setturi tal-gaming u l-igaming, li qed ikunu muturi ewlenin fit-tkabbir ekonomiku li qed ikompli jesperjenza pajjiżna u jinħolqu impjiegi ta’ kwalità, il-Prim Ministru fisser li l-pajjiż se jibqa’ jagħti ċertezza u serħan il-moħħ li Malta se tibqa’ tkun ġurisdizzjoni serja u li tipprovdi l-aħjar qafas u inċentivi għall-operat tal-kumpaniji tal-gaming u l-igaming f’pajjiżna.
Dan anke f’kuntest ta’ sfidi internazzjonali u regolatorji marbuta mas-sistema tat-taxxa f’Malta.
Sadanittant il-Kap tal-Oppożizzjoni wkoll qam jitkellem dwar is-settur tal-farmaċewtika, qasam li fl-aħħar Kunsill Ewropew kien hemm waħda mill-konklużjonijiet li ssostni li l-Kummissjoni Ewropea għandha tħaffef il-proċess ta’ negozjati dwar il-pakkett tal-farmaċewtika, leġiżlazzjoni li tara li jiżdied l-aċċess għall-mediċini fl-Unjoni Ewropea kollha u għalhekk Malta tgawdi wkoll.
Iżda Grech anke hawn spiċċa jħawwad f’asserzjonijiet żbaljati.
Qal, “F’pajjiżna għandna kumpanija illi mhux biss tieħu ħsieb u tara l-importazzjoni tal-mediċina lejn Malta, imma l-importazzjoni u l-esportazzjoni tal-mediċina minn diversi pajjiżi Ewropej u oħrajn mhux biss lejn Malta, imma lejn ir-reġjun proprju tan-naħa ta’ fuq tal-Afrika, lejn ir-reġjun tal-Lvant Nofsani.”
Quddiem din id-dikjarazzjoni tal-Kap tal-Oppożizzjoni, għal darb’oħra kellu jerġa’ jikkoreġih il-Prim Ministru.
Qal, “Li jagħmel argument u jgħid għax hawn kumpanija f’Malta li xogħolha huwa li ġġib il-mediċina u tittrasporta lejn l-Afrika u allura jagħmel l-argument li m’għandux ikollna diffikultà biex indaħħlu l-mediċini fis-suq lokali, argument li ma jagħmilx sens. Għax ir-regolamentazzjoni li tgħodd fl-Afrika u r-regolamenti li jgħoddu f’pajjiż Ewropew huma totalment differenti.”
Kwistjoni diskussa bejn il-mexxejja Ewropej u li għaliha għamel referenza l-Prim Ministru kienet l-immigrazzjoni, bil-Kap tal-Oppożizzjoni reġa’ tkellem bil-konvenjenza. Mill-ġdid reġgħet kienet soda r-risposta ta’ Dr Abela.
Qal, “Nittama li ma jmurx xi darba jitkellem hu u jgħidilhom li Malta mhix full-up.”
Il-Prim Ministru Robert Abela fakkar ukoll kif fil-mument tal-prova, esponenti tal-Oppożizzjoni fetħu kawżi kontra Malta dwar l-immigrazzjoni.