Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech ħareġ jattakka d-dikjarazzjoni tal-Prim Ministru lejliet Jum il-Ħelsien li l-gvern irid jibqa’ jżid il-pensjonijiet, iċ-childrens allowance u l-istipendji.
Fuq l-istazzjon tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech saħansitra qal li n-nies qed jirredikolaw lill-Prim Ministru talli għamel dawn id-dikjarazzjonijiet.
Qal, “In-nies qed jirredikolaw lil Robert Abela u lil sħabu.”
B’hekk Bernard Grech irrepeta fl-intervista l-messaġġ ta’ Repubblika fi stqarrija nhar Jum il-Ħelsien.
Dlonk ir-reazzjoni tal-Partit Laburista li fi stqarrija qal:
Bħal fil-każ tal-kontijiet tal-enerġija, Bernard Grech ma jridx jgħin lin-nies. Għax hekk jemmen u hekk kitbulu dawk li poġġewh fil-kariga.
Skont Bernard Grech iż-żidiet li jitkellem dwarhom il-Prim Ministru mhumiex motivati mill-prinċipji u hawn irrefera għall-programm elettorali.
Iżda, anke hawn, il-Partit Laburista nnota kif Grech kien żbaljat.
Tant li fakkar kif iż-żidiet fil-pensjonijiet, iċ-children’s allowance u l-istipendji huma lkoll miżuri tal-manifest elettorali Malta Flimkien.
“Il-Gvern dak li jwiegħed iwettqu. Hekk beda jagħmel bl-ewwel budget minn ħamsa u hekk se jkompli jagħmel,” qal il-Partit Laburista.
Żied li wieħed jifhem li Bernard Grech lanqas il-manifest tiegħu ma kien jaf x’fih, aħseb u ara l-manifest elettorali ta’ ħaddieħor. “Iżda, il-Gvern għandu manifest b’elf proposta ċara u determinat li ta’ kuljum jaħdem biex ikun jista’ jasal għalihom,” tenna l-Partit Laburista.
Għal Bernard Grech il-gvern rari jgħin jew biss qabel xi elezzjoni.
Stqarr, “Hemm jipprova jagħtik xi ħaġa. Jew inkella qabel l-elezzjoni biex tagħtih il-vot.”
Qal dan filwaqt li kompla jattakka l-għajnuniet u saħansitra l-fatt li f’attivita tal-Partit Laburista l-Prim Ministru tkellem dwar dawn il-prinċipji u dak propost fil-manifest elettorali.
Quddiem dan kollu l-Partit Laburista żied li iktar ma jitkellem il-Kap tal-Oppożizzjoni iktar toħroġ fid-deher id-differenza fit-twemmin, bejn il-Prim Ministru u l-Partit Laburista li jmexxi, u l-Kap tal-Oppożizzjoni u l-Partit Nazzjonalista li jagħmel parti minnu.
“It-tisħiħ fl-inċentivi u l-għajnuniet lin-nies huma waħda mir-raġunijiet ewlenin għaliex irridu ta’ kuljum naħdmu biex inkabbru l-ekonomija b’mod sostenibbli. Fil-fatt dan hu Gvern, li l-għajnuna lin-nies isaħħaħa sena wara oħra,” temm il-Partit Laburista.