It-Tnejn filgħodu l-komunità Tarxiniża qamet b’dieqa, hekk kif Lonza Busuttil ta’ 81 sena tilfet ħajjitha meta nirien u dħaħen ħakmu darha fi Triq Betta.
Dan l-istazzjon huwa nfurmat li għall-ħabta tas-sitta u nofs ta’ filgħodu ssejħet l-għajnuna.
Ulied Lonza kienu għadhom kif telqu mid-dar għax-xogħol, u ftit minuti wara in-nirien ħakmu d-dar.
Membri tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili marru mill-ewwel fuq il-post sabiex jikkontrollaw in-nirien, u tim mediku ppruvaw jagħtu l-assistenza lill-mara, iżda din ġiet iċċertifikata mejta fuq il-post.
Waħda mill-ġirien tal-vittma rrakkuntat dak li semgħet.
Hi qalet, “Jien smajt fis-sitta u nofs l-ambulanzi niżlin, smajt tnejn niżlin u karozzi tal-Pulizija. Għedt x’ġara dalgħodu, tgħid iġġieldu? Hekk qisek taħseb. Imma ma kontx naf dak il-ħin.”
Hija stqarret ukoll li l-vittma kienet tafha, u qalet kif kienet mara b’qalbha tad-deheb.
Qalet, “Din li mietet kienet mara sew, u anke lil uliedha rabbiethom sew bħal ħaddieħor jiġifieri hi ma kinitx mara ħażina jew xi ħaġa miskina, għax veru kulħadd iddispjaċieh għaliha. Vera kienet mara sew.”
Dan is-sentiment huwa wieħed maqsum ma’ diversi Tarxiniżi, hekk kif Lonza kienet magħrufa mal-komunità kollha.
Fil-fatt, is-Sindku ta’ Ħal Tarxien Joseph Abela Galea esprima d-dieqa tiegħu għall-familja Busuttil kollha, u anke ħabbar li se jkunu qegħdin jinġabru donazzjonijiet b’risq il-familja, li tilfu lil ommhom u anke darhom.
Intant il-vittma kienet ukoll magħrufa għal xi ħaġa partikolari.
Hi qalet, “Iva ħafna ħafna ħafna, għax kienet tbigħ il-kappar ukoll jiġifieri kulħadd kien jafha għax kienet tmur għand in-nies tbiegħlhom il-kappar u hekk.”