F’ġimgħa li fiha ġew żvelati iżjed fatti dwar in-nuqqasijiet fiskali ta’ Jason Azzopardi, li ma kienx ħallas it-taxxa għal tliet snin konsekuttivi, komplew jikbru l-kontradizzjonijiet min-naħa tad-deputat stess u anki l-Partit Nazzjonalista, li tiegħu hu l-kelliem għax-xogħol.
Il-Ġimgħa ONE News żvela li Jason Azzopardi spiċċa ddikjara dak li ma kienx iddikjara qabel.
Fil-fatt nhar il-Ħadd li għadda, il-gazzetta KullĦadd u ONE News żvelaw kif fl-unika dikjarazzjoni tat-taxxa li kien daħħal fl-aħħar erba’ snin, qanqal dubji kbar.
Dan wara li Jason Azzopardi qal li ma qala’ xejn mill-professjoni legali, anki jekk hu magħruf kemm hu Avukat imqabbad.
Wara li żvelajna dan il-fatt, Jason Azzopardi mar jiġri ibiddel din id-dikjarazzjoni u issa ddikjara li qala’ xi ħaġa mill-professjoni legali tiegħu.
B’hekk huwa ammetta li qabel, għall-2019, ma ddikjarax sew dak li fil-fatt qala’.
Din il-ġimgħa Jason Azzopardi għażel li ma jweġibx għajr li fil-jiem ta’ qabel ġab skuża bil-proċeduri tas-separazzjoni.
Din l-iskuża ma niżlitx b’mod tajjeb ma’ bosta hekk kif huma ħafna li jkunu għaddejin minn dawn il-proċeduri u xorta jiddikjaraw xi flus ikunu qalgħu.
Id-deputat Nazzjonalista, li ma kull ċans li jkollu tant iħambaq dwar ir-responsabbilità politika u l-korrettezza, meta mistoqsi jekk għandux responsabbilità politika x’jerfa’, huwa wieġeb li le.
Dan qabel sabbtilna l-bieba tal-karozza u telaq ‘l hemm.
Dan l-aġir ta’ Jason Azzopardi sab l-appoġġ tal-Kap Bernard Grech, li jaf tajjeb xi dnub għamel Azzopardi, għaliex bħalu għal diversi snin ma ħallasx it-taxxa.
Bl-awtorità fuq Jason Azzopardi mitlufa, Bernard Grech għażel li jiddefendi u jerġa’ joħroġ għonqu għad-deputat li għenu jsir Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Fil-Partit Nazzjonalista, din id-dikjarazzjoni tal-Kap kompliet tesponi iżjed il-firdiet u l-fazzjonijiet differenti li jitkellmu b’messaġġi opposti.
L-eks Kap Adrian Delia fakkar lil Kap preżenti li n-nies xorta se jiġġudikaw u li Jason Azzopardi għandu obbligu li jwieġeb.
Qal, “Case closed ma nistax nifhem f’liema rigward, jekk hux fini ta’ dak li ħa jagħmel il-partit jew ta’ dak illi ħa jiġġudikaw in-nies. Meta jiġġuddikaw in-nies m’hemmx case closed u case open. Jekk jiena kelli jew għamilt nuqqas, irrispettivament min jekk xi ħadd ħax passi, huma x’inhuma l-passi, passi amministrattivi, kriminali, fil-partit. In-nies xorta qed jiġġudikaw ta. Jien ġo moħħi ċara u l-ispjega mhiex.”
Min-naħa l-oħra, deputat li hu ħobża u sikkina ma’ Jason Azzopardi spiċċa jaqbeż għad-deputat li nqabad li ma ddikjarax x’jaqla’ għall-fini ta’ ħlas ta’ taxxa.
Qal, “Ivvinta din l-istorja fuq kollega tagħna dwar sitwazzjoni personali li għaddej minnha.”
Lil Karol Aquilina, ieħor tal-fazzjoni ta’ Simon Busuttil, Delia wieġbu wkoll u fakkru kif l-istorja tas-saga tat-taxxa ta’ Jason Azzopardi mhi vvintata xejn għaliex kien Azzopardi nnifsu li ammetta li ma kienx ħallas it-taxxa. Spjega, “Mhux qed nifhem li hija storja vvintata għax minn dak li qrajt saħansitra ta spjega d-deputat Azzopardi nnifsu jiġifieri ma naħsibx li hija storja vvintata pero naħseb li l-iktar persuna li għandu jwieġeb u għandu obbligu li jwieġeb jekk mhux minnu jew le, u jien fhimt li vera ma daħħalhomx, huwa Jason Azzopardi nnifsu.”