Bernard Grech qal li n-nies tas-South huma l-establishment.
Hu ddikjara dan meta kien fil-Każin Nazzjonalista ta’ Ħal Tarxien u qal li għandu opportunità jsir jaf min hu l-establishment għax ġie fin-Nofsinhar tal-pajjiż.
“Ngħidilkom il-verità jiena u ġej hawn għedt illum għandi opportunità nsir naf min hu l-establishment, għax ġejt fis-South.”
Bernard Grech – Kap tal-PN
Grech kompla wkoll fuq dak li kien qal Simon Busuttil meta, f’diskors mimli preġudizzji, tenna li fil-Kottonera hemm il-problemi.
“Aħna qegħdin fil-Kottonera, nafu li hawn problemi soċjali anke ta’ abbuż ta’ droga. Aħna qegħdin fil-Birgu, ħarsu lejn il-problemi ta’ housing li hawn fil-Kottonera. Nafu li hawn problemi soċjali kbar. Għandek single mothers.”
Simon Busuttil – eks Kap tal-PN
Hekk kif minn Busuttil għal Grec, qed tkompli toħroġ ċara l-istima tal-Partit Nazzjonalista fil-konfront tan-nies tan-naħa t’isfel ta’ pajjiżna, toħroġ ukoll kif minn żmien Busuttil għal żmien il-Kap attwali, il-Partit Nazzjonalista baqa’ ma biddilx il-politika klassista tiegħu.
Sadanittant, il-Kap Nazzjonalista kompla wkoll bil-politika konfrontattiva tiegħu, hekk kif f’dagħdigħa kontra l-Prim Ministru Robert Abela u l-Partit Laburista, Grech sostna li se jibqa’ jniżżel in-nies fit-toroq.
“Nibqgħu nsejħu lin-nies fit-toroq hekk kif ikun hemm bżonn.”
Bernard Grech – Kap tal-PN
L-istess attitudni dehret ukoll fl-ogħla istituzzjoni nazzjonali, il-Parlament, meta l-Kap Nazzjonalista ordna diżubbidjenza fil-Kamra mid-Deputati wara li deċiżjoni tal-Ispeaker m’għoġbitux.