Grupp ta’ bugħaddasa jistgħu jgħodduha b’waħda, hekk kif, minn filmat li ttella’ fuq il-midja soċjali, dehru f’riskju serju waqt li dgħajsa għaddiet bi żbrixx minn ħdejn wieħed minnhom, waqt li kienu taħt wiċċ l-ilma.
Id-dgħajsa, li aktarx laqtet ukoll ġebla f’qiegħ il-baħar u kissret parti mill-iskrun magħha, tidher tgħaddi b’veloċità kbira eżatt fejn kien hemm għaddas taħt wiċċ l-ilma u inqas mill-mitejn metru mill-kosta kif stabbilit mil-liġi.
Il-filmat ittella’ fl-aħħar sigħat mill-Malta Ranger Unit fejn għaddasa oħrajn kienu qegħdin fil-viċinanzi u nnotaw li s-speedboat kienet ġejja fid-direzzjoni tagħhom. Sinjali ta’ twissija lejn is-sewwieq jidhru li ġew injorati.
Il-każ ġie rrapportat lill-Pulizija u lil Transport Malta, waqt li d-dgħajsa jingħad li ġiet identifikata minnufih.