Kien is-Sibt 7 ta’ Marzu, filgħodu, l-ewwel każ ta’ Coronavirus f’pajjiżna.
Id-Deputat Prim Ministru u l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne kien ħabbar: “Ftit ta’ sigħat ilu, tifla ta’ 12il sena residenti f’Malta ttestjat pożittiva għal-Coronavirus, dan huwa l-ewwel każ illi ttestja pożittiv f’pajjiżna.”
Il-familja tat-tifla kienet vaganza fi Trentino fin-naħa ta’ fuq tal-Italja fil-bidu ta’ Marzu, u kienu waslu f’Malta minn Ruma ftit jiem qabel.
Minn dakinhar il-każijiet komplew jiżdiedu, kienu kollha importati.
Iżda mbagħad, 9 ijiem wara feġġew l-ewwel każijiet li kulħadd kien qed jistenna.
Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci kienet stqarret: “Għall-ewwel darba għandna tliet każijiet li hawnhekk rajna li kien hemm trażmissjoni lokali fejn tnejn minn dawn kellhom kuntatt ma’ persuni li diġà konna nafu bihom u persuna oħra kellu kuntatt ma’ persuna li diġà konna nafu bih ukoll.”
Ma naqsux ukoll il-miżuri ta’ prekawzjoni, fosthom dik imħabbra mill-Prim Ministru Robert Abela: “Kwarantina obbligatorja, kwarantina mandatorja. Se tkun kwarantina li minn ma josservahiex se jkun ukoll soġġett għal multa.”
Eventwalment il-multi żdiedu għal €3,000.
Imbagħad waslu miżuri aktar drastiċi fosthom l-għeluq tal-ajruport internazzjonali ta’ Malta.
Fil-fatt ftit wara nofs il-lejl tas-Sibt 21 ta’ Marzu waslet l-aħħar titjira operata mill-Airmalta minn Heathrow.
Ftit wara tħabbar ukoll li stabbilimenti u ħwienet li ma joffrux servizzi essenzjali kellhom jingħalqu.
Biex tkompli tiġi evitata t-trażmissjoni lokali, il-Gvern ħabbar ukoll li l-aktar persuni vulnerabbli fis-soċjetà, fosthom l-anzjani ta ‘l fuq minn 65 sena, nisa tqal u persuni b’kundizzjonijiet kroniċi ġew ordnati biex ma joħorġux minn djarhom jekk mhux għax meħtieġ.
Ma naqsux ukoll l-ammont kbir t’attivitajiet tal-massa li tħassru.
B’għafsa ta’ qalb dawk li jaħdmu b’dedikazzjoni liema bħalha għall-festi u dak kollu marbut mat-tradizzjonijiet Maltin kellhom ikunu ponn wieħed.
L-ewwel li tħassret kienet il-festa ta’ San Ġużepp iżda eventwalment tħassru ċ-ċelebrazzjonijiet marbuta mal-Ġimgħa Mqaddsa u anki l-festi li huma skedati li jsiru fis-sajf.
Apparti dan żdied l-infurzar biex ma jinġabrux ġemgħat flimkien.
Fuq kollox spikkat is-solidarjetà, l-uffiċjali tal-komunità u l-armata jqassmu l-mediċini fid-djar, numru ta’ kokijiet għaqdu l-forzi biex isajru l-ikel, speċjalment għal dawk il-ħaddiema tas-saħħa fuq quddiem tal-ġlieda kontra l-virus u l-għalliema?
Dawk tgħidx kemm tellgħu riżorsi u komplew jindukraw lill-uliedna online.
Ma naqasx ukoll l-apprezzament li dam jidwi għal ftit ħin madwar il-pajjiż.
Il-ħajja nbidlet, dak li ma setax isir iżjed mid-dar beda jsir possibbli.
Fuq kollox l-ekonomija Maltija, li f’dawn l-aħħar snin kibret bla preċedent bdiet tħoss l-ewwel impatti tal-pandemija.
Kien għalhekk li l-Gvern preżenta tliet pakketti finanzjarji t’għajnuna.
L-aħħar wieħed tħabbar mill-Prim Ministru Robert Abela, bl-imsieħba soċjali madwaru.
Fl-24 ta’ Marzu filgħaxija, il-Prim Ministru ħabbar pakkett ta’ €70 miljun fix-xahar biex jgħin lin-negozji u l-ħaddiema.
Fost l-oħrajn il-Gvern beda iħallas paga ta’ €800 fix-xahar lil 60,000 ħaddiem li ġejjin minn oqsma milquta mill-impatt ekonomiku kawża t’azzjonijiet drastiċi li kellhom jittieħdu kontra t-tixrid tal-Coronavirus.
Il-Prim Ministru kien ħabbar: “Għandna dan il-war chest, illi trid tkun prudenti, trid tkun iggalbat kif se tqassmu. Tista’ tieħu għażla forsi tkun l-għażla popolista u stajna morna għal din l-għażla popolista li ngħidu fl-ewwel sett ta’ miżuri ħa nutilizzaw dan il-war chest kollu. Żgur li kulħadd kien se joħroġ ifaħħarna u jgħidilna fosri l-aqwa Gvern fid-dinja. Stajna għamilna hekk imma konna nkunu qed nissugraw li jasal mument li jkun għandek bżonn illi tinjetta aktar inċentivi biex tgħin lin-negozji u lill-poplu biex joħroġ minn dan il-mument u tiġi f’sitwazzjoni fejn ma jkollokx biżżejjed flus.”