Ġie iffirmat ftehim bejn id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Assoċjazzjoni Kunsilli Lokali sabiex id-dipartiment jimplimenta xogħlijiet u proġetti fil-lokalitajiet.
Hawn ġie spjegat kif dan ikompli jgħaqqad mal-appoġġ li l-Gvern jagħti lil Kunsilli Lokali b’mod kontinwu. Il-Kap Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni Kunsilli Lokali, Mario Fava spjega kif permezz ta’ dan il-ftehim ser issir tiswija xogħol infrastrutturali mid-Dipartiment għax-Xogħlijiet Pubbliċi.
“Qegħdin inħarsu primarjament lejn proġetti fil-lokalitajiet ta’ tiswija li jkun hemm bżonn fuq livell infrastrutturali u dan bla dubju ser igawdu minnu r-residenti f’kull lokalità.”
Il-Ministru għall-Infrastruttura, Ian Borg saħaq kif permezz tal-ftehim ser tingħata għajnuna b’mod strutturat.
“Dan huwa mod ieħor kif nuru illi bil-fatti naħdmu favur il-komunitajiet tagħna, favur il-Kunsilli Lokali, ir-reġjuni illi tant jagħtu servizz liċ-ċittadini. U allura permezz tax-xogħlijiet pubbliċi qed nassistuhom b’mod strutturat ukoll.”
Il-Ministru għal Gvern Lokali Jose Herrera aċċenna kif dan il-ftehim jorbot mad-diversi skemi maħruġa mill-Gvern li jkomplu jgħinu finanzjarjament lil Kunsilli Lokali għaż-żamma tal-proġetti li jkunu saru mill-Gvern.
“Aħna minn naħa tagħna bħala dipartimenti u bħala Gvern responsabbli mill-Kunsilli Lokali minn żmien għal żmien noħorġu skemi fejn nagħtu flus direttament lil Kunsilli u imbagħad ikunu jistgħu imantnu x-xogħlijiet kapitali li jkunu saru mill-Gvern ċentrali.”