“Fejn hu t-tifel tiegħi?”
Fuq il-midja Taljana jispikka filmat ta’ omm li kif semgħat bl-aħbar telqet tiġri kemm tiflaħ fuq il-post bit-tama li ssib lil binha ħaj. Dan it-tifel f’dan il-lejl traġiku ma raqadx fid-dar tiegħu iżda qatta l-lejl mal-ġenituri ta’ ħabib tiegħu f’Amatrice. Jispikka x-xokk fuq wiċċ l-omm li ma kinitx taf jekk iċ-ċkejken tagħha kienx ħaj. B’fortuna – dan it-tifel u l-ħabib tiegħu nstabu ħajjin iżda l-ġenituri għadhom mitlufin qalb it-tifrik.
F’dan il-filmat jidher ukoll is-salvataġġ ta’ tifla ta’ 10 snin, li minkejja li kienet qalb it-tifrik, xorta waħda rnexxielha tgħix. Dawn l-istejjer jagħtu tama u jservu ta’ wens għal dawk il-familji li għadhom ma sabux lil qrabathom.
Kienu 247 persuna li tilfu ħajjithom fit-terrimot li laqat ir-reġjun ta’ Perugia fl-Italja nhar l-Erbgħa. Ħafna minn dawn kienu tfal, bin-numru ta’ mwiet mistenni jikber hekk kif jibqgħu għaddejjin l-operazzjonijiet ta’ salvataġġ.
Għexieren ta’ persuni huma maħsuba midfuna ħajjin taħt it-tifrik fl-ibliet milquta ta’ Amatrice, Accumoli, u Pescara del Tronto. Is-saħħa tat-terremot farrket parti sostanzjali ta’ dawn l-ibliet kollha, b’mod partikolarli f’Amatrice.
‘Il fuq minn 4000 ħaddiem tas-salvataġġ komplew ifittxu matul il-lejl għal persuni li setgħu salvaw.
It-terremot, li kejjel 6.2 fuq l-iskala Richter, seħħ fit-tlieta u nofs u sitt minuti tal-Erbgħa filgħodu. L-agħar postijiet milquta kienu bliet żgħar u villaġġi li jinsabu fiż-żona muntanjuża fejn ir-reġjuni Umbria, Lazio u Le Marche jiltaqgħu.