F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista l-ġdid Bernard Grech mal-ewwel ta s-sinjali ta’ messaġġ negattiv hekk kif fl-istess ġimgħa li statistika uffiċjali tal-EUROSTAT uriet li f’Awwissu, Malta għandha l-inqas rata ta’ qgħad fiż-żona Ewro, il-Kap Nazzjonalista sostna li l-impjiegi qegħdin f’riskji. Bernard Grech infexx jattakka lill-Prim Ministru Robert Abela li kien ħabbar li se jestendi l-iskema t’għajnuna tal-Gvern fil-ħlas tal-pagi sakemm hu meħtieġ wara l-imxija.
Dwar l-iskema li tiffinanzja d-dejn fil-Partit Nazzjonalist b’mod sigriet, Bernard Grech qal li s-sistema taċ-ċedoli hija sistema tajba li ħadmet.
Bernard Grech ma semmiex min se jkun id-deputat li se jċedilu s-siġġu parlamentari biex mhux biss isir deputat fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż iżda anki jsir Kap tal-Oppożizzjoni. Huwa nfexx jattakka l-Partit Laburista fl-ewwel indirizz tiegħu lill-ġurnalisti bħala Kap Nazzjonalista. Dwar iż-żewġ Viċi Kapijiet Nazzjonalisti David Agius u Robert Arrugi qal li hija l-għażla tagħhom biex jibqgħu jaħdmu fil-partit.