Is-sena l-oħra, ftit inqas minn tliet mija u ħamsin elf Malti u Maltija qasmu lejn Għawdex u Kemmuna.
Dan ifisser żieda sostanzjali fuq is-sentejn ta’ qabel, hekk kif fl-elfejn u dsatax qasmu l-fliegu ftit anqas minn mitejn u ħmistax-il elf persuna u fl-elfejn u tmintax kważi mitejn u tletin elf resident qabdu l-vapur lejn Għawdex.
Dan juruh ċifri uffiċjali mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, fejn jixhdu wkoll li f’sena kkaraterizzata minn pandemija, il-Maltin għażlu lil Għawdex bħala d-destinazzjoni li fiha jqattgħu l-btala tagħhom.
Infatti, l-istatistika tal-NSO turi kif is-sena l-oħra kważi mitejn u sebgħa u tmenin elf u ħames mitt persuna qasmu l-fliegu għal btala, filwaqt li kważi erbgħa u ħamsin elf u sitt mitt persuna żaru lil sħabhom jew qrabathom u kważi tmintax-il elf u erbgħa mitt resident qasmu għal skopijiet ta’ kummerċ, edukazzjoni, u saħħa.
L-aktar kategorija ta’ etajiet li ddeċidiet li taqsam il-fliegu s-sena l-oħra, kienet dik ta’ bejn il-ħamsa u għoxrin u l-erbgħa u erbgħin sena, hekk kif dawn kienu jammontaw għal ftit anqas minn mija u tnejn u tmenin elf u ħames mitt ruħ. Segwita imbgħad il-kategorija ta’ dawk fl-età ta’ bejn il-ħamsa u erbgħin u l-erbgħa u sittin sena. Iż-żgħażagħ ta’ bejn il-ħmistax u l-erbgħa u għoxrin sena u l-pensjonanti kienu jammontaw għal madwar disgħin elf u ħames mitt persuna.
Il-maġġoranza tal-persuni li qasmu l-fliegu qattgħu sa tliet iljieli f’xi post ta’ akkomodazzjoni. L-istatistika turi wkoll li s-sena l-oħra kważi tliet mija u tmienja u erbgħin elf u ħames mitt Malti jew Maltija krew post ta’ akkomodazzjoni f’Malta. Dawn ammontaw għal miljun u erbgħin elf lejl f’din il-gżira.
In-nefqa totali ta’ dawk li qasmu l-fliegu kienet ta’ madwar disgħa u ħamsin miljun u erba’ mitt elf ewro, jiġifieri żieda ta’ kważi wieħed u ħamsin fil-mija fuq is-sena ta’ qabel.
Intant, wieħed jista’ jassoċċja ż-żieda ta’ dawn il-vjaġġi lejn Għawdex, mal-investiment massiċċ li għamel Gvern Laburista fi żminijiet ta’ pandemija, fosthom l-ewwel rawnd ta’ vouchers.