Fil-Parlament it-Tlieta filgħaxija, l-Oppożizzjoni kompliet bl-aġir tagħha biex twaħħal emenda legali kontra l-kriminalità u tinsisti li kellha laqgħa tal-Kumitat Parlamentari li kellu jiddiskuti emenda legali biex finalment tgħaddi għall-vot.
L-emenda dwar il-perjodu ta’ arrest ta’ allegati suspettati li jkunu wettqu reati serji, jiżdied bl-approvazzjoni tal-Qorti, bi 48 siegħa biex il-Pulizija tkompli tinvestiga, kellha tkun diskussa fil-laqgħa tal-Kumitat Parlamentari iżda l-Oppożizzjoni għażlet li ma tipparteċipax għaliex hi maqsuma fuq liġi li tkompli ssaħħaħ il-ġlieda kontra l-kriminalità.
Fil-Parlament qam il-Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar u d-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina jilmentaw fuq avviż għal-laqgħa tal-Kumitat Parlamentari tal-Konsiderazzjoni tal-Abbozzi.
L-Oppożizzjoni sostniet li l-laqgħa tal-Kumitat kellha titħassar iżda l-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard saħaq li l-laqgħa tal-Kumitat kellha ssir u l-pajjiż irid jieqaf ikun ostaġġ ta’ Oppożizzjoni maqsuma.
Tkellem ukoll iċ-Chairman tal-Kumitat għall-Kunsiderazzjoni tal-Abbozzi Michael Farrugia li spjega kif kien hemm korrispondenza għaddejja bejn il-membri fuq il-Kumitat u li huwa lest juri dik il-korrispondenza lill-Ispeaker fejn fiha l-Oppożizzjoni qatt ma talbet li l-laqgħa kellha titħassar kif imbagħad esprimiet fil-Parlament illejla.