Ir-rebus li qam fil-Partit Nazzjonalista riżultat tal-ġlied u l-intriċċi waqt l-elezzjonijiet fil-kumitati sezzjonali ħa żvolta ġdida hekk kif f’Ħal Qormi twaqqfet ħesrem il-votazzjoni għall-kumitat Nazzjonalista.
Sorsi qalu lil ONE News li din il-votazzjoni twaqqfet wara li kandidat partikolari fl-elezzjoni ma kienx fuq il-polza tal-vot.
Mhux magħruf għaliex isem il-kandidat ma kienx fuq il-polza tal-vot.
Dalgħodu ONE News kien barra l-każin Nazzjonalista viċin il-Knisja ta’ San Ġorġ f’Ħal Qormi.
Hemmhekk intlemħu gruppi differenti ta’ nies qaqoċċa u sa dak il-ħin kienet qed issir il-votazzjoni.
F’messaġġ li ntbagħat imbagħad, il-Partit Nazzjonalista qal li l-elezzjoni tal-kumitat sezzjonali ta’ Ħal Qormi ġiet posposta minħabba raġunijiet amministrattivi.
Fil-Partit Nazzjonalista, din id-darba mmexxi minn Bernard Grech, reġa’ faqqa’ ġlied kbir bejn iż-żewġ fazzjonijiet, dik ta’ Simon Busuttil li tellgħet lil Grech Kap u dik ta’ Adrian Delia, li erba’ xhur ilu tilfet it-tmun tal-partit.
Disa’ kandidati ta’ Delia rtiraw mill-elezzjonijiet tal-kumitati fosthom ta’ tas-Sliema għaliex ma felħux iżjed jiġu mminati min-Nazzjonalisti stess permezz ta’ block vote kontrihom.
L-eks Kap Adrian Delia kiteb fuq il-profil tiegħu fuq facebook u għadda messaġġ iebes lit-tmexxija preżenti Nazzjonalista, li kienet hi li qaċtitu f’Ottubru li għadda.
Delia rrefera għal mod kif ċertu Nazzjonalisti ġew imweġġa’ u riżultat ta’ dan se jibqa’ jitkisser il-partit.
Talab biex dawn l-attakki jieqfu.
Intant fl-aħħar żviluppi b’rabta mal-aħħar kriżi fil-Partit Nazzjonalista, il-kumitat sezzjonali ta’ Bormla rriżenja f’daqqa wara li kien għadu kif ġie elett u dan b’solidarjetà ma’ dawk il-kandidati ta’ Delia li ġew imminati f’tas-Sliema.
F’ittra li s-sitt membri tal-kumitat ta’ Bormla bagħtu lis-Segretarju Ġenerali Francis Zammit Dimech qalu li l-Kummissjoni Elettorali Nazzjonalista mxiet b’idejn tat-tajjar u baqgħet passiva quddiem block vote ċar f’tas-Sliema kontra Nazzjonalisti stess.
F’tas-Sliema mhux qed issir elezzjoni llum kif pjanat wara li l-kandidati ta’ Delia rtiraw u b’hekk awtomatikament il-kandidati ta’ Bernard Grech ġew eletti għax telqu waħidhom.
Fil-fatt ta Bernard Grech mal-ewwel ħarġu jgħidu messaġġ wieħed li l-elezzjoni mhux se ssir għaliex is-seba’ kandidati tal-fazzjoni Busuttil ġew eletti kollha.
Dan il-messaġġ anki ħareġ fuq il-midja tal-Partit Nazzjonalista.
https://www.one.com.mt/2021/01/30/fil-pn-tfegg-krizi-ohra-hekk-kif-rega-faqqa-glied-kbir/