Il-Forzi Armati ta’ Malta mexxew eżerċizzju marittimu konġunt mal-Amministrazzjoni Ġenerali Libjani għas-Sigurtà Kostali, bl-isem ta’ DOLPHIN 1.
Dan l-eżerċizzju sar f’Malta bejn is-sbatax u l-erbgħa u għoxrin ta’ dan ix-xahar, u ffoka fuq xenarji ta’ immaniġġjar marittimu mal-fruntieri u infurzar tal-liġijiet marittimi.
Dan l-eżerċizzju, li l-midja rċeviet filmati tiegħu mill-Forzi Armati ta’ Malta, inkluda attivitajiet kemm fil-port kif ukoll fuq il-baħar, bil-għan li jkompli jiżviluppa l-prinċipji li ġew mgħallma matul dan il-kors.
Dan biex jinqasmu l-prattiki operattivi utilizzati waqt it-twettieq tal-operazzjonijiet marittimi, fl-istess waqt li jkomplu jitjiebu l-koperazzjonijiet, il-kapaċitajiet u l-interoperabbiltà bejn il-Forzi.
L-Amministrazzjoni Libjana użat żewġ bastimenti tal-għassa għal dan l-eżerċizzju, filwaqt li l-Forzi Maltija pparteċipat f’dan l-eżerċizzju b’żewġ ajruplani bil-ġwienaħ fissi u ħelikopters, boarding team directional staff u bosta assi marittimi.
Dan l-eżercizzju huwa meqjus bħala pass fit-titjib tal-kapaċitajiet taż-żewġ nazzjonijiet fuq bosta aspetti operattivi li jistgħu jiltaqgħu magħhom fil-Baħar Mediterran, bil-għan li tissaħħaħ is-sikurezza u s-sigurtà fir-reġjun, fl-istess waqt li jsaħħaħ il-koperazzjoni bejn il-pajjiżi fir-reġjun, u jwitti t-triq lejn aktar koperazzjoni produttiva fil-futur.