Bħalissa fi Trejqet il-Liedna f’Santa Luċija għaddejja operazzjoni biex jiġi aċċertat li m’hemmx periklu wara li tifel t’14-il sena sab bomba li hi mifhum li hi tat-tieni gwerra dinjija u ħadha d-dar miegħu.
Mill-ewwel informazzjoni li għandu one.com.mt jidher li t-tifel sab il-bomba fil-Kottonera imbagħad baqa’ sejjer biha d-dar.
Nifhmu li xi ħadd minn tal-familja tat-tifel ċempel lill-pulizija fejn mill-ewwel bdiet ħidma ta’ evakwazzjoni. Minn fuq il-post ONE News jista’ jispjega kif ġew evakwati nies li joqogħodu sa mitt metru mad-dawra tad-dar fejn hu mifhum li hemm il-bomba.
Fuq il-post ukoll hemm membri tal-Bomb Disposal Unit.
Fil-11 ta’ Ġunju jaħbat it-tmenin anniversarju mill-ewwel ħbit mill-ajru tal-qawwiet Faxxisti fuq Malta fit-tieni gwerra dinjija.
Fl-aħħar aġġornament jidher li tneħħa kull periklu hekk kif ftit wara d-9pm tneħħa kull materjal li seta’ kien perikoluż mill-bomba.