Il-Ministru għall-Anzjanità Attiva, Jo Etienne Abela, espona l-gideb li ġie mmuntat b’rabta mad-dar tal-anzjani f’Bormla.
Fil-ħin tal-mistoqsijiet fil-Parlament, il-Ministru Jo Etienne Abela rrimarka li dan il-Gvern għandu impenn elettorali li jwettaq wegħda li għamel fil-manifest ‘Malta Flimkien’, fejn hemm imsemmi b’mod ċar li d-Dar ta’ Bormla hi waħda li se tiġi rinnovata biex l-anzjani residenti f’din id-dar ikomplu jieħdu servizz mill-aqwa.
L-istat li jinsabu fih strutturi fid-Dar tal-Anzjani ta’ Bormla huwa evidenti. Fil-fatt, il-Ministru Abela poġġa fuq il-mejda tal-Kamra tar-Rappreżentanti rapporti li jixhdu dan.
Il-Ministru Abela nnota l-inkonsistenza tal-Oppożizzjoni, li l-ewwel ma riditx id-dar tiġi rinovata u issa qed tgħid ħaġa oħra.
Qal, “Jiena din l-inkonsistenza ma nistax nifhimha. Ippermettili, Sur President, imma filli qed nitkellmu ‘għaliex se nwaqqgħu d-dar?’ u issa qed nitkellmu ‘għaliex ma waqqajnihiex qabel?’. jien ma nistax nifhem.”
Il-Ministru għall-Anzjanità Attiva nnota li, b’raġunament li jħares fit-tul, ix-xogħol fuq id-Dar ta’ Bormla huwa meħtieġ minflok wieħed ta’ lappazzar li jirranġa biss l-affarijiet b’mod temporanju u li ma jindirizzax fit-tul il-periklu għal min jirrisjedi f’din id-dar.
Qal, “L-SCSA kienet ċara hawn: ‘Within a month, four minor interventions. Imma ara x’se tgħid l-SCSA: ‘While a long-term decision on the structure of the building is a neccessity’.”
B’rabta mar-rilokazzjoni tal-anzjani biex jibdew ix-xogħlijiet fuq id-Dar ta’ Bormla, kienu l-anzjani stess, jew qrabathom, li għażlu f’liema dar oħra tal-anzjani jixtiequ jmorru.
Dan sakemm fuq id-Dar ta’ Bormla jsir xogħol estensiv li jiggarantixxi li r-residenti jgħixu f’ambjent bla periklu u tal-livell li jixraq lid-dinjità tagħhom.
Fil-Parlament, il-Ministru Jo Etienne Abela espona gideb faħxi li sar fuq persuni vulnerabbli, fosthom li l-anzjani se jittiħdulhom ferm iżjed flus mill-pensjoni tagħhom.
Għal dan kollu wieġeb b’mod ċar il-Ministru.
Qal, “Huwa ta’ diżunur għal pajjiżna li hawn nies li kapaċi jigdbu hekk lil min hu vulnerabbli. Tal-mistħija, Sur President. Tal-mistħija. Oħra, gidba oħra li qalulhom: il-ħrieqi daqshekk issa; mhumiex se jagħtukom iżjed ħrieqi. Qalulhom li d-Dar ta’ Bormla se tinbena u se ssir boutique hotel. X’qalulhom iktar? Qalulhom li minflok tliet ikliet fil-ġurnata, fejn se jmorru se jkollhom waħda biss. Jien nixtieq, u nispera, li l-ebda politiku minn ġo din il-Kamra ma kellu l-guts li jkun involut f’aġir daqshekk miskin.”