Kuluri u briju.
Hekk kienet l-atmosfera l-Ħadd filgħodu waqt il-Karnival tal-Ħamrun, li ta’ kull sena qed iżid fil-popolarità tiegħu.
Waqt dan il-karnival ħadu sehem diversi żeffiena u maskaruni li akkumpanjaw karrijiet grandjuzi u kkuluriti. Fost dawn il-karru tar-Re tal-Karnival li huwa l-qofol ta’ din il-festa ta’ kuluri fil-Ħamrun.
Clint Axisa mill-crew Landa qalilna: “Kull fejn ikun hemm bżonn ir-Re tal-Karnival nieħduh, basta npaxxu lill-poplu Malti kollu.”
Waħda mill-karatteristiċi tal-Karnival fil-Ħamrun huma l-ħames baned li ta’ kull sena jiddominaw fit-toroq Ħamruniżi.
ll-bandist Sven Grima stqarr: “Id-differenza hija li iktar brijużi, iktar hawn nies kuntenti naħseb jien … iktar kuluri, marċi huma differenti wkoll, fis-sens ta’ mużika.”
Joseph Borg Bandist ieħor qalilna: “L-atmosfera hija differenti, unika minn tas-soltu.”
Charmaine Felice Spiteri qalet li “in-nies ikunu aktar allegrużi, il-parteċipazzjoni tan-nies hija veru essenzjali u li tara speċjalment it-tfal jipparteċipaw u jieħdu gost veru ttik sodisfazzjon.”
Il-preparazzjonijiet għal dan il-Karnival huma diversi, kif spjega s-Sindku tal-Ħamrun, Christian Sammut. Huwa spjega: “Il-prepamenti ilhom ħafna, ovvjament biex torganiza Karnival bħal dan irid ikollok ħafna lagħqat, kollox kif għandu jkun. Kuntent li ħareġ temp sabiħ, kuntent li ġew in-nies għal darb’oħra – Karnival li qiegħed jikber kull sena, kuntent li nara l-familji u t-tfal jieħdu pjaċir.”