Eluf ta’ persuni fosthom tfal, adulti, u anzjani, ipparteċipaw fil-pellegrinaġġ tal-muturi u r-roti ta’ din is-sena, f’ġieħ il-Madonna tal-Grazzja.
Il-pellegrinaġġ tar-roti telaq mir-Rabat, waqt li tal-muturi telaq mill-Mosta b’rotta kemmxejn itwal, biex imbagħad iltaqgħu il-Fgura, u daħlu kważi fl-istess ħin Ħaż-Żabbar.
Huma daħlu f’Ħaż-Żabbar wara inkwatru tal-Madonna bid-daqq tal-Ave Marija, bid-daqq tal-ħornijiet żgur li ma jonqosx.Tkellimna ma’ għadd ta’ ċiklisti, li s-sodisdazzjon fuq wiċċhom kien evidenti ferm. Fil-fatt, ilkoll qalu li l-esperjenza kienet waħda pożittiva ferm.
Iċ-ċiklisti kollha qalulna li din ma kinitx l-ewwel darba tagħhom, u li jħossu li għandhom jibqgħu jagħmluha sena wara l-oħra għal għadd ta’ raġunijiet. Dan minkeja li t-temp ta’ Settembru mhuwiex l-iktar wieħed faċli.
Spikka kumment ta’ ċiklist partikolari, li bi kburija infurmana li din hija l-45 darba li għamel dan il-pellegrinaġġ. Jagħmel dan mingħajr taħriġ, iżda jagħmel sfida miegħu innifsu biex ilestiha kull darba.