Id-Deputat Nazzjonalista Joe Ellis għamel diskors żbaljat għalkollox f’konferenza tal-aħbarijiet tal-Partit Nazzjonalista dwar il-ġustizzja.
B’Beppe Fenech Adami maġenbu, Ellis reħielha jikkritika lill-Gvern u lill-Prim Ministru Robert Abela u jgħid li dawn baqgħu siekta quddiem atti qarrieqa fuq l-internet permezz ta’ spam emails u siti tal-internet foloz.
Madankollu l-Prim Ministru wkoll spiċċa vittma ta’ dawn l-atti qarrieqa u minnufih talab lill-kumitat tas-Cyber Security fil-korp tal-pulizija sabiex tibqa’ miexja bl-investigazzjonijiet tagħha dwar dan il-każ.
Iżda żgwidat għal kollox Ellis tenna hekk.
Qal, “Kien hemm silenzju totali da parti tal-Gvern, kien hemm silenzju totali da parti tal-Prim Ministru Robert Abela.”
Kien il-ġurnalist ta’ ONE News Colin Deguara li kkoreġieh u infurmah li saħansitra l-Prim Ministru kien vittma wkoll ta’ dawn l-atti qarrieqa fuq l-internet, u li altru milli baqa’ sieket, il-Prim Ministru kien diġà ħa pożizzjoni dwar din il-materja.
Kien għalhekk li Ellis kellu jammetti li dwar is-suġġett li ħareġ jitkellem fuqu huwa ma kienx infurmat sew u li dak li kien qal fid-diskors tiegħu kien żbaljat.
Hu qal, “Jiena, jiena erm, dawn li qed tirreferi għalihom inti ma smajthomx. Jekk għamel hekk għamel tajjeb.”