Fil-grupp parlamentari Nazzjonalista, deputati differenti kasbru jew riedu jieħu l-mertu dwar il-vouchers ta’ mitt ewro li kien qassam il-Gvern.
Dan hekk kif żewġ deputati Nazzjonalisti, Herman Schiavone u Edwin Vassallo, fl-istess ġimgħa tkellmu dwar il-vouchers.
Waqt il-programm Paperscan fuq l-istazzjon ONE, id-deputat Nazzjonalista Herman Schiavone ried il-mertu dwar il-vouchers.
Schiavone qal, “Tajtkom il-proposta tal-vouchers, illi addottajtuha.”
Filwaqt li aktar kmieni din il-ġimgħa d-Deputat kollega ta’ Schiavone, Edwin Vassallo rrefera għall-vouchers bħala kuppuni u sejħilhom tal-mistħija.
Vassallo kien qal, “Dan huwa pajjiż li spiċċajna b’ekonomija li ħafna nies fin-negozju saru jiddependu u jieħdu r-ruħ, jekk il-Gvern jagħti l-kuppuni, le dan tal-mistħija.”
Sal-14 ta’ Ottubru, b’kollox intużaw 81.2% tal-vouchers tal-mitt ewro tal-Gvern.
Sa issa l-vouchers tal-Gvern taw injezzjoni ekonomika ta’ €52.6 miljun.
Stħarriġ dwar l-impatt tal-iskema tal-vouchers tal-gvern ippreżentat mill-Istatistiku Vincent Marmara wera kif 85% ta’ dawk li wieġbu qalu li l-inizjattiva tal-vouchers għenet kemm fuq livell personali kif ukoll bħala kontributur għall-ekonomija.