Id-deputat Nazzjonalista Edwin Vassallo nfexx jattakka lill-Prim Ministru Robert Abela u qal li dan għandu l-fortuna u ġie taħt stilla tajba.
Id-deputat tal-fazzjoni Delia qal dan fuq Radio 101, ftit qabel ma tkellem il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia.
Vassallo qal, “Robert Abela għandu dan il-luck li ġie taħt stilla tajba u anki jekk ma jiddeċidiex u nafu bil-fatti li ma ddeċidiex, bħal ma ġara fil-Kummissarju tal-Pulizija, hemm min jaħseb li ddeċieda.”
Edwin Vassallo semma l-Kummissarju tal-Pulizija, li l-kariga ġiet magħżula b’sejħa pubblika u bi proċess trasparenti li faħħret anki il-Kummissjoni Venezja.
Saħansitra fuq il-Kummissarju tal-Pulizija, l-Oppożizzjoni kienet għażlet li ma tagħmilx l-iskrutinju parlamentari.
Intant skont Edwin Vassallo, Robert Abela jagħti l-perċezzjoni li jieħu d-deċiżjonijiet u qed ibiddel.
“Robert Abela jagħti biss il-perċezzjoni lil min jifhem li qed ibiddel u jieħu d-deċiżjonijiet għax fir-realtà mhu qed ibiddel u jieħu l-ebda deċiżjoni biex ibiddel.” Kompla jgħid Vassallo.
Edwin Vassallo spiċċa jitfa’ t-tort fuq in-nies li jemmnu lil Robert Abela.
“Il-problemi ta’ Robert Abela jaħfruhomlu mal-ewwel u dawk li jiddeċiedu li jżommu, jiddeċiedu li jżommu imma jaħfru u jitkellmu fuqu.” Qal Vassallo.
Dawn id-dikjarazzjonijiet, Edwin Vasallo għamilhom wara li din il-ġimgħa stess sar magħruf li l-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen kitbet lill-Prim Ministru Malti u rrikonoxxiet li pajjiżna qed iwettaq riformi favur it-tisħiħ tas-saltna tad-dritt.
Anki l-Kummissjoni Venezja faħħret lill-pajjiżna u laqgħet prattikament il-bidliet u r-riformi li qed isiru f’pajjiżna favur governanza tajba.
Dan apparti li osservaturi politiċi u opinjonisti kienu kkummentaw b’mod pożittiv għal mod kif f’dawn ix-xhur, Robert Abela kien mexxej eċċellenti li mexxa lill-pajjiżna fi sfidi li laqtu lid-dinja kollha, fosthom il-pandemija.
Id-diskors ta’ Edwin Vassallo jfakkar lil xi uħud f’dikjarazzjonijiet oħra li saru fosthom ta’ Kristy Debono.
Id-deputat Nazzjonalista Kristy Debono kienet qalet li l-ekonomija ta’ pajjiżna sejra tajjeb għax il-Gvern iffortunat.
“Bħalissa l-Gvern huwa ffortunat, kif dejjem ngħidu, huwa fatt magħruf li għandu ċifri tajbin.” Qalet Debono.