Permezz ta’ dokumenti ġdid, aktar minn 30 elf Malti u 51 elf oħra ta’ dixxendenza Maltija li diġà jgħixu fir-Renju Unit se jkunu jistgħu jibqgħu jgħixu fir-Renju Unit wara Brexit li mistennija sseħħ fl-aħħar ta’ Marzu tas-sena d-dieħla.
Il-gvern ingliż ikkonferma illi ċ-ċittadini tal-unjoni ewropea li bħalissa huma residenti fir-renju unit u oħrajn li beħsiebhom imorru jgħixu fil-pajjiż għandhom sad-għoxrin ta’ Marzu tas-sena d-dieħla biex japplikaw għad-dokument ġdid ta’ residenza.
ONE NEWS tkellem mal-ministru għall-affarijiet barranin, Carmelo Abela dwar din l-iskema.
Ħa jkun hemm din l-iskema ħa nsejħulu hekk, tas-settled status u allura wieħed irid japplika għal din l-iskema li għad trid toħroġ. Biex wieħed japplika irid ikollu passaport validu jew inkella karta tal-identitá nazzjonali valida. U irid ukoll jipprovdi prova ta’ residenza fir-Renju Unit.
Il-Ministru Abela ħeġġeġ lill-Maltin li jgħixu fir-renju unit biex jiġbru d-dokumenti biex jirreġistraw u juru li għandhom il-permess meħtieġ biex jgħixu u jaħdmu fir-Renju Unit. Dan għax wieħed għandu biss sentejn biex jagħmel l-applikazzjonijiet meħtieġa.
Fit-tletin ta’ Ġunju tas-sena elfejn wieħed u għoxrin imbgħad, jiskadi l-perjodu ta’ meta wieħed jista’ japplika għal dak li qed jissejjaħ bħala pre settled status jew inkella second settled status u hawnhekk imbgħad wara dik id-data tat-tletin ta’ Ġunju elfejn wieħed u għoxrin, ikunu jistgħu japplikaw biss qraba ta’ dawk li diġa qed jgħixu fir-Renju Unit jekk dawn ikollhom l-iskop li jmorru jgħixu hemmhekk għat-tul.
Bħalissa, Malta għandha l-ikbar komunitá tad-dijaspora barra minn xtutna fir-Renju Unit hekk kif huwa stmat li qed jgħixu fil-pajjiż madwar wieħed u tmenin elf persuna Maltija; jiġifieri wieħed u tletin elf ċittadin Malti u wieħed u ħamsin elf persuna ta’ dixxendenza Maltija.
Wieħed jista’ jikseb iktar informazzjoni dwar l-applikazzjonijiet meħtieġa billi jikkuntattja lill-Ministeru tal-Affarijiet barranin.