Fil-ġimgħa tal-festa ta’ Santa Katarina taż-Żurrieq jeżisti diżgwid sħiħ bejn l-għaqdiet u d-dilettanti ta’ din il-festa u l-Arċipriet Dun Karm Mercieca.
Dan dwar l-armar tal-Knisja f’din il-festa titulari.
ONE News jinsab infurmat li l-affarijiet tant kibru li spiċċat anki daħlet il-Kurja.
Skont dilettanti Żrieraq li qalbhom tħabbat għall-festa ta’ Santa Katarina, l-Arċipriet ma jridx jarma l-Knisja għall-festa.
Riżultat tal-imxija tħassru l-pellegrinaġġi kollha u l-istatwi tal-qaddisin mhux qed joħorġu fit-toroq iżda knejjes oħra ramaw il-Knisja fl-okkażjoni tal-festa tal-patrun.
Min-naħa l-oħra, ONE News irċieva tagħrif li l-Arċipriet lanqas il-koppla ma jrid jixgħel.
Din is-soltu tixgħel biss fil-festa titulari taż-Żurrieq li hija dik li ssir f’ġieh Santa Katarina Verġni u Martri.
Dwar din il-kwistjoni t’armar inħoloq grupp fuq il-midja soċjali bl-isem ta’ ‘Karba f’widnejn torox – Festa Santa Katarina Żurrieq’.
F’dan il-grupp saru sensiela ta’ mistoqsijiet diretti lejn l-Arċipriet Mercieca u ġie allegat li meta grupp ta’ voluntiera marru biex jagħtu l-għajnuna tagħhom sabiex il-knisja tintrama kif jixraq, dawn in-nies ġew mhedda li se jinġabu l-pulizija jekk ma jitilqux ‘il barra.
Fost oħrajn qamu kwistjonijiet dwar armar ta’ bradella għall-vara, li l-linef tal-Knisja ma tniżżlux u ġie allegat li persuna qrib l-Arċipriet ħadet iċ-ċavetta tan-niċċa tal-istatwa biex din ma toħroġx.
Saħansitra saret mistoqsija dwar għalfejn il-Knisja qed titħalla taqa’ biċċiet meta llum hawn diversi opportunitajiet ta’ fondi għal restawr.
ONE News talab lil min qed jieħu ħsieb dan il-grupp biex jgħaddi l-ħsibijiet tiegħu iżda dan qal biss li qed jistenna żviluppi mill-Kurja.
L-istess għamel l-Arċipriet li meta ċempilnilu u għidnilu li qed nirrekordjawh, wieġeb biss bid-diskors li qed jitkellem mal-Kurja u l-għaqdiet.