Studju li jsir kull sitt snin mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, sab kif fl-ibħra Maltin hawn diversi speċi ta’ dniefel u baleni.
L-uffiċjal għall-protezzjoni tal-Ambejnt fi ħdan l-ERA, Luke Tabone spjega ma’ dan l-istazzjon li dan l-istudju jsir b’konformità ma’ direttivi tal-Unjoni Ewropea, u kkonferma l-preżenza ta’ dawn l-annimali f’żoni partikolari mal-kosta Maltija.
“Dan l-istudju huwa bbażat fuq proġetti li saru matul dawn l-aħħar sitt snin fejn ikollna esperti li joħorġu bid-dgħajjes u jaraw fejn l-iktar li jinstabu dawn l-ispeċi u b’hekk aħna mid-data li tinġabar minn dawn il-proġetti, inkunu nistgħu noħorġu bi status jekk id-dniefel u l-baleni hux qegħdin fi stat tajjeb f’Malta.”
Fost l-aktar speċi li jiġu nnutati fl-ibħra Maltin hemm tliet tipi ta’ dniefel partikolari.
“Għalkemm hawn diversi speċi ta’ dniefel fil-Mediterran, għandna tlieta partikolari f’Malta li jiġu sighted ħafna aktar minn speċi oħrajn li huma l-common dolphin, il-bottlenose dolphin u anki l-istriped dolphin u dan l-istudju wera ċar li actually għandna dawk li jissejħu resident populations, jiġifieri jgħixu fil-baħar Malti.”
Għalkemm rari, ġew innutati wkoll speċi ta’ baleni fl-ibħra Maltin, li huma fost l-akbar annimali li jeżistu fid-dinja.
“Ġieli ġew irrekordjati baleni madwar il-kosta ta’ Malta, tajjeb li ngħidu li dawn huma rari ħafna so huwa naqra aktar diffiċli biex inkunu nafu l-istat tagħhom u għandna bżonn iktar studji.”
Minkejja li din l-istatistika tikkonferma l-preżenza ta’ dawn l-ispeċi bħala waħda stabbli, hemm bżonn ta’ aktar moniteraġġ fit-tul.
“Dejjem tajjeb li jkollok iktar data u informazzjoni u fil-fatt, bħalissa l-ERA qed timplimenta proġett li huwa wkoll funded mill-Unjoni Ewropea fejn apparti li nkunu qed nistudjaw dawn l-ispeċi f’areas partikolari, ħa nkomplu niġbru aktar data u nkomplu nikkonfermaw l-istat ta’ dawn l-ispeċi f’Malta.”