Disa’ kandidati li kkandidaw ruħhom għall-elezzjonijiet tal-kumitati sezzjonali tal-Partit Nazzjonalista, irtiraw wara attakki u xkiel li sabu fil-Partit Nazzjonalista.
ONE News jista’ jiżvela dan wara li b’mod esklussiv sab lil dawn l-istess kandidati jidħlu d-Dar Ċentrali sabiex jirtiraw il-kandidatura tagħhom.
ONE News huwa infurmat li dawk tkellmu mal-Kap tal-Kummissjoni Elettorali tal-Partit Nazzjonalista, Peter Fenech.
Dan wara li din il-ġimgħa ħarġu diversi stejjer dwar block vote li kien għaddej min-nies ta’ Bernard Grech kontra kandidati tal-fazzjoni Adrian Delia.
Quddiem id-Dar Ċentrali, Tony Galea wieħed mill-kandidati qal li huwa urtat dwar attakki li ma’ messhomx saru.
Huwa qal, “Aħna li urtatna ftit u għalhekk qed nirtiraw hija li saru xi attakki li ma messhomx saru. Dik weġġgħatna daqsxejn.”
Fuq wieħed ta’ Bernard Grech, il-Kunsillier Slimiż Kevin Wain u l-messaġġi li ħarġu fil-beraħ biex jintefgħu block votes kontra dawk li ħadmu għal Delia, Galea qal li huwa m’għandux minn xiex jistħi.
Galea sostna: “Jekk dan ir-raġel li għoġbu jtella’ dawn l-affarijiet jew inkella jiġi jgħidli jien li ħdimt għal Delia. Allura. Għandi għal xiex nistħi? Hawn jiġini bla ma rrid paragun jien u hawnhekk id-dispjaċir tiegħi sa ċertu punt, imma għaliex kellha tinħoloq diviżjoni bejn l-aħwa?”
Galea akkuża wkoll lil min ħataf din l-okkażjoni biex ikompli jqaċċat ‘il barra lil ta’ Delia: “Meta dan ix-xi ħadd b’nuqqas ta’ maturità nerġa ngħidlek, b’nuqqas kbira ta’ maturità, jasal biex jagħmel dawn l-affarijiet li mbagħad, din li tweġġgħek, li jkun hemm min jaħtaf l-okkażjoni biex ikompli.”
Intant fi stqarrija li dawn l-istess kandidati taw lill-ġurnalist ta’ ONE News barra d-Dar Ċentrali, intqal kif il-kandidatura tagħhom fl-elezzjonijiet għall-kumitati sezzjonali ntlaqgħet b’livell ta’ kritika kattiva u estrema li ma kinitx la f’postha u lanqas f’waqtha.
Intqal ukoll kif inxterdu kliem bħal ‘giddibin’ fil-konfront tagħhom min-nies li sinċerament suppost jafu aħjar.
Fil-fatt, dwar dan id-disa’ kandidati qalu li dawn l-aġġettivi jlaħħmu attitudni diviżiva u ostili fil-Partit Nazzjonalista.
Galea tenna: “Din x’ħolqot? X’ġid għamlitlu lill-partit? Din id-diviżjoni bejnietna x’ġid għamlitlu lill-partit?”