Bosta deputati tal-Partit Nazzjonalista kkonfermaw ma’ dan l-istazzjon li kienu se jivvotaw kontra l-baġit, minkejja l-miżuri u l-inizjattivi soċjali bla preċedent li dan fih.
Fil-fatt, sa minn qabel bdiet is-seduta Parlamentari tat-Tnejn, li kienet ukoll l-aħħar waħda qabel il-vaganzi tal-Milied, fejn ittieħdu l-voti relatati mal-Baġit għas-sena d-dieħla, intitolat ‘Pajjiż ta’ Kwalità, ONE News avviċina lil għadd ta’ deputati dwar kif kienu se jivvotaw.
Uħud għażlu li jgħidulna li huma kostretti jimxu mal-linja tal-Partit ta’ Bernard Grech, li t-Tnejn ukoll kien arroganti fit-tweġiba tiegħu indika li qatt ma jgħaddilu minn moħħu li jivvota favur l-istess Baġit.
Madankollu, l-iskumdità fuq deputati oħrajn kienet ukoll evidenti hekk kif għażlu li jinjoraw il-mistoqsija tagħna għal kollox jew inkella jaħarbu minna billi jdawru d-diskors.
Dan l-atteġġjament jgħaqqad ma’ li qalilna l-Kap Nazzjonalista Bernard Grech innifsu meta kien iffaċċjat bl-istess mistoqsija.
Dan l-aġir ifakkar ukoll fil-pożizzjoni li kien ħa l-Partit Nazzjonalista ta’ GonziPN lura fl-2012 meta kien qal li se jivvota bil-qalb kontra li jorħsu l-kontijiet tad-dawl u l-ilma.
Dan fl-istess waqt li l-Kabinett tiegħu kien ta lilu nnifsu l-akbar żieda fl-istorja, dik ta’ aktar minn €500 fil-ġimgħa kull wieħed, flejjes li fil-maġġoranza qatt ma ġew irritornati lura, inkluż minn tliet deputati attwali tal-Oppożizzjoni.