Deputati Nazzjonalisti qabżu għall-Kap Bernard Grech, li f’laqgħat li kellu fil-fora Ewropea ma ddefendiex l-interess tal-pajjiż favur finanzjament Ewropew għall-proġett tal-pipeline li minnu jgħaddi l-idroġenu.
Barra l-Parlament, meta affaċċjati bil-mistoqsijiet ta’ ONE News, uħud mid-Deputati saħansitra ppruvaw jikkoreġu d-dikjarazzjonijiet tal-Kap u jmeru s-sewwa magħruf.
Il-ġurnalist staqsa, “Taqbel ma’ Dr Bernard Grech li ma ppruvax jiddefendi l-interessi ta’ pajjiżna fejn jidħlu fondi Ewropej għal pipeline hydrogen ready?”
Kristy Debono wieġbet, “U ma tarax”
Mario De Marco qal, “Dan qed tgħidu inti.”
Il-ġurnalist wieġeb lil De Marco, “Dan qalu hu mal-Maltatoday.”
De Marco qal, “Le dan qed tgħidu inti. Il-laqgħat saru kollha għall-ġid ta’ pajjiżna.”
Id-Deputat Nazzjonalista Karl Gouder saħansitra qal li llum m’hemmx dubju liema partit iġib l-iżjed fondi Ewropej.
Hu qal, “Naħseb m’għandekx dubju dwar liem huwa l-partit politiku li jista’ jġib il-fondi għal Malta. Naħseb m’hemmx dubju minn hekk.”
Din id-dikjarazzjoni tista’ tittieħed bħala fatt fid-dawl li Gvern Nazzjonalista ma kienx jagħmel użu sħiħ mill-fondi Ewropej filwaqt li Gvern Laburista mhux biss uża l-massimu tal-fondi allokati lilu iżda permezz tal-Prim Ministru Robert Abela, Malta kisbet l-akbar pakkett ta’ fondi Ewropej fl-istorja.
Barra l-Parlament, Deputati oħra sabuha diffiċli biex iwieġbu u jsibu kliem biex jiddefendu l-Kap.
Fosthom Ivan Bartolo li meta ma sabx kliem xi jlissen, dar jattakka lill-ġurnalist.
David Agius wkoll inkorla quddiem din il-mistoqsija u qalilna li huwa jippreferi jwieġeb fuq affarijiet oħra.
Il-Viċi kap ta’ Partit li tant iħambaq fuq ir-rispett lejn il-ġurnalisti, reħielha jiddetta hu x’mistoqsijiet għandhom isirulu tant li spiċċa jistieden lill-ġurnalist ta’ ONE News għal dibattitu.
David Agius qal, “Int staqsi fuq xiex trid u jien inwieġeb fuq xiex irrid.”
Il-ġurnalist ta’ ONE wieġeb, “Konvenjenti hekk għalik”
David qal, “Għax ma staqsejtnix dwar Roberta?”
Il-ġurnalist Colin Deguara rrimarka, “Għaliex nagħżel jiena fuq xiex nistaqsik. Jien il-ġurnalist. Intik il-microphone u ssaqsi inti allura?”
Agius wieġbu, “Mela, naħseb, meta trid, nagħmlu dibattitu.”
Il-ġurnalist stqarr, “Dak rispett lejn il-ġurnalisti. Dibattitu miegħi, ġurnalist?”
David Agius qal, “U inti ġurnalist?”
ARA WKOLL: