Meta kien intervistat mir-radju tal-Knisja, l-RTK, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal li Malta għandha tkun ċentru ta’ salvataġġ għall-immigranti.
Fi kliemu, Malta hija art ċkejkna iżda għandha ħafna baħar.
Delia qal li “Jiena nemmen illi t-territorju tagħna terren, l-art hija ċkejkna. Tal-baħar huwa kbir. Il-proposta tiegħi? Illi aħna nkunu minn ta’ quddiem illi ġo l-Ewropa nitkellmu b’leħen sod u ċar, u ħa nagħmilha wkoll ċara fil-ġranet li ġejjin meta hemm is-summit Ewropew illi ħa nattendi. Illi filwaqt long term plan illi ninvestu, Malta fost l-oħrajn għandha tara kif tagħmel biex tixpruna, tkun ċentru ta’ salvataġġ”Skont Delia jfisser li l-immigranti jibdew jiġu f’Malta ferm aktar ta’ spiss għaliex pajjiżna jispiċċa responsabbli tas-salvataġġ.
Id-dikjarazzjoni tal-Kap Nazzjonalista dwar l-immigrazzjoni ssegwi dak li għamel fil-jiem li għaddew meta ltaqa’ mal-Kaptan tal-MV Lifeline li jinsab mixli li kiser ir-regoli marittimi internazzjonali.
Dan meta uża l-vapur fl-ibħra territorjali Maltin meta mhux irreġistrat u ma kellux liċenzja minn Transport Malta.
Fuq l-għatba tal-Qorti, Delia mhux talli ltaqa’ mal-Kaptan iżda tah appuntament biex jiltaqa’ miegħu matul il-jum.
Huwa żied jifraħlu għax-xogħol li kien qed jagħmel.
F’Ġunju li għadda l-kaptan tal-MV Lifeline daħal f’Malta b’aktar minn mitejn immgirant, li l-biċċa l-kbira tagħhom diġà tqassmu bejn għadd ta’ pajjiżi Ewropej.
Dan il-każ wassal biex il-Gvern Malti jżomm sod u bl-approvazzjoni tal-Unjoni Ewropea waqqaf l-MV Lifeline u żewġ vapuri oħra simili milli jkomplu joperaw minn Malta.
Il-Gvern Malti bl-appoġġ tal-Kummissjoni Ewropea sostna li l-vapuri kollha li kienu qed joperaw mill-Mediterran, inkluż dawk ta’ għaqdiet mhux governattivi għandhom jirrispettaw il-liġi u ma jostakolawx l-operazzjonijiet li kienu qed iwettqu l-gwardji tal-kosta Libjana.