L-Eks Kap u llum Deputat tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia baqa’ jisfida lill-Kap tiegħu Bernard Grech u jesiġi li jrid free vote.
Dan fil-konfront tal-emendi fil-liġi tal-IVF wara li pubblikament kisirha minn mal-pożizzjoni tal-Kap u qal li huwa kontra l-ittestjar tal-embrijun.
Mossa li kompliet turi kemm il-Partit Nazzjonalista jinsab konfuż u inkonsistenti fuq materja tant importanti u li tolqot il-familji Maltin u Għawdxin.
Quddiem il-bini tal-Parlament, wara li t-Tnejn filgħodu giddeb lill-Kap tiegħu stess u qal li hu talab għal Free Vote, mal-mikrofonu ta’ ONE News, Adrian Delia baqa’ jesiġi li quddiem il-votazzjoni li se tkun qed isir nhar l-Erbgħa fil-Parlament fuq l-emendi fil-liġi tal-IVF, huwa jrid li jitħalla jsir Free Vote, qalb il-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista.
Mistoqsi mill-ġurnalist ta’ ONE għal reazzjoni hekk kif il-Partit Nazzjonalista baqa’ ma biddilx il-pożizzjoni tiegħu favur Free Vote wara li numru ta’ deputati giddbu lil Grech u qalu li ma jaqblux mal-pożizzjoni tiegħu, Adrian Delia tenna li din hija ‘ħasra.’
Ġurnalist : “Il-Partit Nazzjonalista mhux se jkun qed jagħti Free Vote b’rabta ma’ din l-emenda fil-liġi. X’inhi r-reazzjoni tiegħek?”
Adrian Delia : “S’issa għadu le, s’issa għadu le. Ma nafx x’ser jiġri imma s’issa għadu le u naħseb tkun ħasra li ma jingħatax.”
Sostna wkoll li ma tagħmilx differenza fejn u meta ntalab il-Free Vote għaliex fattwalment intalab.
“Ma tantx naħseb tagħmel differenza fejn u meta. Fattwalment intalab.”
Intant ftit tal-minuti wara, il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech rema t-talba ta’ Adrian Delia u Deputati Nazzjonalisti oħrajn għal Free Vote rigward l-emendi fil-liġi tal-IVF.
Dan wara li l-ġurnalist ta’ ONE kwotalu l-kliem tal-eks Kap Adrian Delia fejn ftit minuti qabel tenna kif tkun ‘ħasra’ jekk il-free vote ma jingħatax lill-Grupp Parlamentari Nazzjonalista għall-vot dwar l-emendi f’din il-liġi.
Madankollu Bernard Grech rema kliem Delia.
Ġurnalist : “Magħna Adrian Delia qal li ħasra jekk ma jingħatax il-Free Vote. X’tikkumenta?“
*Bernard Grech : “Bla dubju Adrian Delia għandu l-opinjoni tiegħu però fl-aħħar mill-aħħar dik l-opinjoni kellu jesprimiha fil-Grupp Parlamentari u allura kellu jkun il-Grupp li jiddeċiedi.”*
Hekk kif b’hekk Bernard Grech xejjen l-opinjoni ta’ Adrian Delia, huwa spiċċa xejjen ukoll l-opinjoni ta’ deputati oħrajn li kissruha minn ma’ Grech fuq din il-materja tant importanti favur il-familji Maltin u Għawdxin.
Fost oħrajn kien hemm deputati bħal Alex Borg, Carm Mifsud Bonnici, Ivan Bartolo li mxew mal-linja ta’ Delia fuq dan is-suġġett u ukoll skond rapporti talbu Free Vote.
Għalhekk jum qabel jittieħed il-vot fl-istadju tat-tielet qari fil-Parlament fil-konfront tal-emendi f’din il-liġi, il-Partit Nazzjonalista u l-Grupp Parlamentari fi ħdanu jibqa’ maqsum u mifni fil-konfużjoni f’suġġett ieħor ta’ portata f’pajjiżna.
Din il-qasma u l-konfużjoni dehret biċ-ċar f’materji oħra ta’ importanza fosthom il-liġi dwar l-użu responsabbli tal-Kannabis, l-emendi inizjali fil-liġi tal-IVF fl-2018 u l-emendi fil-liġi tal-Vjolenza Domestika fl-istess sena.