L-eks Kap Nazzjonalista Adrian Delia fetaħ kawża ta’ libell kontra s-sit Lovin Malta.
Dan hekk kif it-Tlieta is-sit irrapporta li waqt dibattitu parlamentari wara li sar magħruf li Yorgen Fenech hu s-sid tal-kumpanija 17 Black, Delia kien qed jikkomunika u jibgħat messaġġi lil Fenech, illum is-suspettat mandat fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Fuq il-paġna tiegħu fuq Facebook, Delia ħabbar li l-Erbgħa filgħodu mar il-Qorti biex jiftaħ libell lil Lovin Malta, li sa ftit tal-jiem ilu kienet titmexxa minn dak li llum huwa l-istrateġista tal-Kap Nazzjonalista Bernard Grech.
ONE News interċetta lill-Eks Kap Nazzjonalista hu u ħiereġ mill-Qorti.
Huwa qal hekk dwar l-allegazzjonijiet fil-konfront tiegħu: “Dak li ġie allegat ma ġarax, mhux vera, hija gidba u fejn is-soltu dejjem nipprova noqgħod pass lura issa ma nistax nibqa’ naċċetta li l-ħin kollu kull tant żmien hekk xi ħadd iqum filgħodu jivvinta xi ħaġa, jgħida li din qisha l-verità.”
Tenna kif mhux se jibqa’ jaċċetta li jinxterred gideb b’intenzjoni. Botta ċara lill-fazzjoni ta’ Simon Busuttil u l-establishment li jmexxi lill-Partit Nazzjonalista u jimponi fuq Bernard Grech.
Delia sostna: “Mhux se naċċetta li jibqa’ jixxerred gideb b’intenzjoni ngħid jien għax la jagħmel ġid lil min ikun qed ixerred il-gideb u lanqas ikun qed jikkrea kultura f’Malta ta’ tiftix tal-verità.”
Intant it-Tlieta, wara r-rapport tal-Lovin Malta, l-għaqda Repubblika sejħet għar-riżenja ta’ Delia.
L-għaqda Repubblika, viċin il-fazzjoni ta’ Simon Busuttil u d-Deputati tal-Blue Heroes, fosthom Jason Azzopardi, tiltaqa’ regolarment mat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista.
Sa ftit tal-jiem ilu stess, tar-Repubblika ltaqgħu mal-Kap Bernard Grech biex jiddiskutu strateġija politika.
Intant hekk kif it-Tlieta ONE News irrapporta li skont sorsi din kienet ħadma bejn Christian Peregin, Lovin Malta u l-Għaqda Repubblika, Peregin innifsu ċaħad din l-allegazzjoni mal-ġurnalisti ta’ ONE News.
Fix-xhur li għaddew, Peregin fuq is-sit li kien imexxi, imbotta kemm felaħ biex Adrian Delia jitqaċċat mill-Partit Nazzjonalista u joħodlu post dak li issa ingaġġah bħala strateġista tiegħu, b’salarju rappurtat li jlaħħaq l-eluf kbar ta’ ewro.
Fost l-oħrajn Peregin kien kiteb dwar każ personali ta’ Delia u staqsa jekk hiex idea tajba li l-Partit Nazzjonalista jmur għall-elezzjoni li jmiss b’Adrian Delia Kap.
Dan apparti artikli oħrajn li kienu jattakkaw lil Adrian Delia.