Il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia ddikjara li hu m’għandux fiduċja fid-deputati li sfiduċjawh.
Fuq ix-xandir nazzjonali, Delia nfexx jattakka lil dawk id-deputati li qal li ma wrewx fiduċja fih għal darba, darbtejn, tliet darbiet infila.
Huwa stqarr: “Però issa qtajt. Min m’għandux fiduċja fija, għal darba, darbtejn, tliet darbiet infila, jien m’għandiex fiduċja fih.”
Adrian Delia qal li issa se jieħu d-deċiżjonijiet fil-konfront tad-deputati li sfiduċjawh fosthom reshuffle drastika fil-grupp parlamentari.
Meta mistoqsi: “U x’se tkun il-pożizzjoni tiegħek?”
Delia wieġeb: “Waħda mill-affarijiet illi jiena fil-ġranet illi ġejjin inkun qed inbiddel b’mod drastiku dawk illi huma x-shadows tal-Partit Nazzjonalista, tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista.”
Fi kliem iebes lejn id-deputati li sfiduċjawh, huwa qal li m’għandhomx rispett lejn bosta istituzzjonijiet jew persuni iżda għandhom rispett lejhom infushom biss.
Huwa saħaq: “Issa kulħadd irid jerfa’ d-deċiżjonijiet tiegħu u d-deċiżjonijiet huma ċari illi m’hemmx rispett lejn il-Presidenza, m’hemmx rispett lejn il-Kostituzzjoni, m’hemmx rispett lejn l-istatut, m’hemmx rispett lejn it-tesserati u allura wieħed jifhem li hemm biss rispett lejhom infushom.”
F’programm ta’ siegħa, Adrian Delia semma b’isimhom dawk id-deputati li akkost ta’ kollox tile fil-fiduċja fihom. Deputati li pubblikament iddikjaraw li tilfu l-fiduċja fih.
Huwa sostna: “Ċertament kien hemm nies bħall-Onorevoli Thake, kien hemm nies bħal Chris Said, kien hemm nies bħal Therese Comodini Cachia, kien hemm nies bħal Claudette Buttigieg illi d-diskors tagħhom kien ċar. Ma ħallew ebda triq illi bniedem jibda jifhem mod ieħor u allura fil-konfront tagħhom żgur illi l-fiduċja min-naħa tiegħi, qatt ma tista’ terġa’ tiġi rkuprata.”
Delia rrimarka li f’kuntest li tilef il-fiduċja fid-deputati li sfiduċjawh, huwa se jieħu d-deċiżjonijiet u kulħadd irid jerfa’ r-responsabilità ta’ għemilu.
Delia kompla jgħid: “U bid-deċiżjonijiet illi ħa naċċerta li qed nieħu, fil-ġranet li ġejjin, fejn imbagħad kulħadd irid jerfa’ r-responsabilità tiegħu, ibda mill-ewwel wieħed l-onorevoli David Thake.”
Mistoqsi dwar Therese Comodini Cachia, li trid tkun Kap tal-Oppożizzjoni floku, Adrian Delia qal li Comodini Cachia żgur ma rnexxiliex iġġib l-għaqda, fost sarkażmu u botti diretti lejn min ried jeqlibielu fil-Parlament.
Huwa qal: “U suppost nidħaq jien? Irnexxielha tagħmel ħafna affarijiet f’ħajjitha Therese Comodini Cachia u minn hawn insellmilha bħala waħda mill-aqwa avukati f’pajjiżna però jekk taħseb li ġabet l-għaqda f’dawn l-aħħar erbat ijiem… m’għandix għalfejn inżid.”