Barra l-Qorti, wara li fetaħ il-libell kontra s-sit lovinmalta, l-eks Kap Nazzjonalista Adrian Delia tkellem dwar il-qrubija bejn l-għaqda Repubblika, li magħha jkun hemm ta’ Manuel Delia u tas-Civil Society Network u l-Partit Nazzjonalista.
Delia saħaq li tar-Repubblika, fost oħrajn u l-Partit Nazzjonalista m’għandhomx ikunu ħaġa waħda.
Qal, “Li m’għandniex inwaħħdu u naraw bħala ħaġa, kemm persuni, kemm għaqdiet ma’ parti.”
Delia saħaq dan wara li tar-Repubblika ħarġu stqarrija jitolbu għar-riżenja ta’ Delia, quddiem l-allegazzjonijiet irrappurtati minn Lovinmalta, li waqt dibattitu parlamentari wara l-iżvelar li Yorgen Fenech huwa s-sid tal-kumpanija 17 Black, l-eks Kap tal-Oppożizzjoni kien qed jibgħat messaġġi lill-istess Yorgen Fenech.
Delia żied jgħid li jiġġudikaw in-nies quddiem qrubija bejn xi għaqda u l-partit.
Dan qalu fl-isfond li sa ftit tal-jiem ilu, kien hemm laqgħa fid-Dar Ċentrali bejn it-tmexxija Nazzjonalista fosthom Bernard Grech, l-istrateġista tiegħu u eks tal-lovinmalta Chris Peregin u l-għaqda Repubblika, fosthom ħu Karol Aquilina, Robert Aquilina.
Qal, “Le ma naqbilx illi għandna nwaħdu xi għaqda jew xi soċjetà ċivili ma’ xi partit. Issa jekk in-nies qed jaraw illi hemm qrubija żejda, imbagħad in-nies jagħmlu l-ġudizzju tagħhom.”