Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia ddikjara li l-kelliem tiegħu għall-ġustizzja Jason Azzopardi ma għamel l-ebda kwerela kontra s-suldati u l-Prim Ministru.
F’konferenza tal-aħbarijiet saqsejna lil Adrian Delia dwar jekk Jason Azzopardi għandux jitlob skuża wara li qed jgħaddi lis-suldati li jsalvaw il-ħajjiet minn investigazzjoni.
Delia kien mistoqsi: “Il-fatt li ħa pass żgħir lura biżżejjed għalik? Ma tħossx li bħala kelliem tiegħek tal-ġustizzja għandu jerfa’ xi tip ta’ responsabbiltà? Dan iffirma denunzja biex jibgħat lin-nies il-ħabs b’akkuża ta’ qtil volontarju. Int kont għedt li se tinjorah, imma aċċettabbli għalik li għadu lanqas talab skuża?”
Iżda għal din id-domanda, Adrian Delia qal li Jason Azzopardi ma preżenta l-ebda kwerela.
Huwa wieġeb: “Jason Azzopardi ma preżenta l-ebda kwerela la kontra s-suldati, la kontra l-Prim Ministru. Kontra ħadd.”
Din id-dikjarazzjoni tmur il-kontra ta’ dak li qal Adrian Delia stess għaxar t’ijiem ilu meta ddefenda lill-kelliem tiegħu Jason Azzopardi li preżenta kwerela kontra s-suldati, il-Brigadier u l-Prim Ministru u akkużhom bi qtil volontarju tal-immigranti.
Akkuża li ġġorr piena ta’ għomor il-ħabs. Huwa sostna: “L-avukat Azzopardi aġixxa biss bħala avukat fil-qadi tad-doveri professjonali tiegħu.”
Dakinhar Delia anki għamel tiegħu, l-akkużi: “Issa jekk hux il-Brigadier, fuq nett, il-Brigadier fuq nett jew inkella hux suldat wieħed jew tnejn jew mija illi għamlu ħażin allura m tinvestigahomx?”
Kif jixhdu wkoll id-dokumenti tal-kwereli mressqa minn Jason Azzopardi, dawn kienu ffirmati mill-kelliem tal-Oppożizzjoni għall-ġustizzja.
Saħansitra l-Partit Nazzjonalista fi stqarrija kien qal li Jason Azzopardi għamel pass tajjeb meta ħarab mill-akkużi li għamel fuq l-armata, billi rrinunzja lilu nnifsu.
Aqra wkoll:
https://www.one.com.mt/2020/04/28/adrian-delia-spicca-jgiddeb-lilu-nnifsu-biex-jiddefendi-lil-jason-azzopardi/