L-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia kompla jibgħat messaġġi ċari u iebsin lill-Kap Bernard Grech li jinsab irrabjat għal mod kif Delia qed ifixkel fl-istrateġija tal-partit li jagħti l-impressjoni li hu magħqud.
Delia mar fuq l-istazzjon FLiving u beda jitkellem dwar il-fatt li numru ta’ kandidati ġew imminati fl-elezzjonijiet tal-kumitati sezzjonali tal-Partit Nazzjonalista.
Riżultat ta’ din is-sitwazzjoni ta’ blockvote, fejn tal-fazzjoni ta’ Simon Busuttil imbuttaw biex jitilgħu fil-kumitati membri biss ta’ Bernard Grech u mhux ta’ Adrian Delia, Delia fakkar fis-suppost għajta li tela’ biha Bernard Grech.
Delia qal li dawk imminati ġew trattati minn Nazzjonalisti oħra stess, daqs li kieku kienu l-għadu.
Lin-Nazzjonalisti li qed iħossuhom imweġġa’ Delia kompla jkellimhom u lil Bernard Grech u lil Beppe Fenech Adami, li qalilhom li issa hi affari tagħhom, Delia qalilhom li dawn ma ħaqqhomx min jagħlqilhom il-bieb.
L-eks Kap li bħala deputat mhuwiex parti mix-shadow cabinet li Bernard Grech ħatar mija u disat ijiem wara li sar Kap, qal l-kandidati li rtiraw mill-elezzjoni sofrew tgħajjir, insulti u attakki.
Delia spjega kif wasal biex il-ġimgħa l-oħra mar jagħmel stqarrija pubblika wara li anki l-midja tal-partit ħarġet tgħid li mhux se ssir elezzjoni f’tas-Sliema iżda naqset tgħid li kien hemm manuvri u konsegwenza t’hekk disa’ kandidati rtiraw u l-kumitat sezzjonali ta’ Bormla rriżenja f’daqqa b’solidarjetà.
Waqt il-programm intervjenew numru ta’ telespettaturi fejn wieħed tkellem favur iżjed trasparenza.
Dan anki f’kuntest li d-disa’ kandidati li rtiraw innutaw il-passività tal-Kummissjoni Elettorali Nazzjonalista mmexxija minn Peter Fenech li mxiet b’idejn tat-tajjar quddiem imminar ċar u provi dwar block vote.
Fil-programm spikka wkoll intervent li juri wkoll realtà oħra fil-Partit Nazzjonalista, dik li hemm min għad isejjaħ lil Adrian Delia bħala Kap.