L-eks Kap Nazzjonalista Adrian Delia saħaq li d-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi għandu obbligu li jwieġeb.
Dan wara li ONE News żvela li għal tliet snin konsekuttivi fl-aħħar ħames snin, Jason Azzopardi ma ddikjarax id-dħul tiegħu għall-fini ta’ ħlas ta’ taxxa.
Delia wieġeb għal dak li qal Bernard Grech, meta ma’ ONE News, it-Tnejn qal li l-kwistjoni ta’ Jason Azzopardi hija magħluqa.
Lil dak li ħadlu postu minn Kap tal-Partit Nazzjonalista, Delia fakkru li n-nies xorta se jiġġudikaw.
Qal kif, “Case closed ma nistax nifhem f’liema rigward, jekk hux fini ta’ dak li ħa jagħmel il-partit jew ta’ dak illi ħa jiġġudikaw in-nies. Meta jiġġuddikaw in-nies m’hemmx case closed u case open. Jekk jiena kelli jew għamilt nuqqas, irrispettivament min jekk xi ħadd ħax passi, huma x’inhuma l-passi, passi amministrattivi, kriminali, fil-partit. In-nies xorta qed jiġġudikaw ta. Jien ġo moħħi ċara u l-ispjega mhiex.”
Il-Ħadd, ONE News kompla jiżvela li imbagħad fl-unika dikjarazzjoni tat-taxxa li Jason Azzopardi għamel fl-aħħar erba’ snin qanqal dubji kbar.
Dan hekk kif għalkemm bosta jafuh bħala Avukat imqabbad, iddikjara li ma’ qala’ xejn mill-professjoni legali jew in-negozju tiegħu.
Fil-fatt għall-2019 huwa ddikjara biss li qala’ ftit mijiet ta’ ewro mill-Università u l-onorarja parlamentari.
Delia qal li ma jistax jimmaġina li Avukat prattikanti ma jkunx qed jaqla’ jew jiddikjara.
Il-ġurnalist staqsa, “Għandi statement hawnhekk ta’ Jason Azzopardi tas-sena tal-2019. Taqbel jew temmnu li ddikjara biss dak li daħħal bħala lettur u l-onorarja tiegħu?”
Delia wieġeb, “Ma nafx dak l-istatement huwiex tiegħu. Naħseb dik id-domanda trid tiġi magħmula lilu imma ma nistax nimmaġina kif Avukat prattikanti ma jkunx qed jaqla’ jew jiddikjara.”
B’reazzjoni għal dak li qal id-deputat l-ieħor Karol Aquilina, li ma’ ONE News qal li l-istorja ta’ Jason Azzopardi hija vvintata, Adrian Delia fakkar lil dak li hu ħobża u sikkina m’Azzopardi li kien Jason Azzopardi stess li ammetta li ma kienx ħallas it-taxxa.
Qal kif, “Mhux qed nifhem li hija storja vvintata għax minn dak li qrajt saħansitra ta spjega d-deputat Azzopardi nnifsu jiġifieri ma naħsibx li hija storja vvintata pero naħseb li l-iktar persuna li għandu jwieġeb u għandu obbligu li jwieġeb jekk mhux minnu jew le, u jien fhimt li vera ma daħħalhomx, huwa Jason Azzopardi nnifsu.”
Ma’ ONE News, lil dak li jitkellem ħafna fuq governanza, Delia reġa’ qallu li għandu ħafna għal xiex iwieġeb.
Il-ġurnalist ta’ ONE News staqsa lil Delia, “Għandu għalxiex iwieġeb jiġifieri?” b’Delia jirrispondi, “Ċertament.”