48 siegħa wara li ċeda għall-pressjoni tal-establishment biex ma jieħu ebda passi kontra Simon Busuttil, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia mar jitkellem fuq programm fuq in-Net fejn id-domandi seta’ jistaqsihomlu biss il-preżentatur favorit tiegħu, Frank Psaila.
Jiem wara li nofs id-deputati tiegħu ħarġu jisfidawh pubblikament u l-eks Kap Busuttil qal li Delia jrid jeħles minnu, issa Adrian Delia qal li l-firda fil-PN qed ipinġija l-labour.
Anke jekk saħansitra daħlu l-medjaturi biex jipprovaw itaffu l-inkwiet bejn iż-żewġ fazzjonijiet, skont Delia huwa tort tal-midja li l-partit deher maqsum.
Fuq kollox, Delia mar fuq it-televiżjoni biex jipprova jagħti l-impressjoni li ma ċediex għall-establishment, u biex jgħinu, Frank Psaila kellu mistoqsija miftehma.
Delia qal dan anke jekk aċċetta li Simon Busuttil ma jerfax ir-responsabbiltà u jissospendi lilu nnifsu mill-grupp parlamentari nazzjonalista, kif wara kollox talab hu stess. Fil-fatt Delia kien talab hekk.
Iżda, minuta wara li f’iswed fuq l-abjad qal li ma nbidel xejn Delia kellu jammetti hu stess li ma seħħx dak li talab.
U filwaqt li qal li huma tal-labour li jpinġu l-inkwiet fil-PN, Delia ma qagħadx lura milli jitfa’ l-botti għal dawk li fl-aħħar ġimgħat ma tantx kienu ħelwin dwaru.