Il-Ministri tal-Intern tal-Unjoni Ewropea ddeċidew fost l-oħrajn li jkunu mgħejjuna l-pajjiżi fuq il-fruntiera tal-Afganistan sabiex dawn ikollhom il-kapaċità li jilqgħu refuġjati Afgani fi ħdanhom.
Hekk spjega il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi, Byron Camilleri li f’kumment lil ONE News spjega x’kien l-eżitu tal-laqgħa bejn il-Ministri tal-Intern Ewropej li attenda għaliha fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet fi Brussell.
Huwa stqarr kif wara l-aħħar żviluppi fl-Afganistan fejn it-Taliban ħadu l-kontroll tal-pajjiż, issa l-prijorità hija li tkun evitata kriżi umanitarja bħal dik tal-2015.