“Lejl tal-biża’. Qas niflaħ nitkellem. Ġejt hawn, u sibt kollox vampa nar.” Hekk stqarr Xmun Azzopardi ta’ 77 sena, sid ta’ razzett tal-baqar fir-Rabat, wara li r-razzett li minnu, flimkien ma’ ibnu, jaqla’ l-ħobża ta’ kuljum, matul il-lejl li għadda ħa n-nar. Dan b’konsegwenza li nqerdu b’erbgħin elf ewro f’balal tat-tiben.
Ma’ ONE News irrakkonta kif matul il-lejl li għadda, għall-ħabta tal-23:30 kien fuq is-sodda meta b’telefonata, surġent tal-Pulizija tah l-aħbar li r-razzett kien qiegħed jieħu n-nar.
Qal li f’kemm trodd salib, niżel ir-razzett li jinsab fit-triq li tagħti għal Ħad-Dingli, u sab għadd ta’ Pulizija, flimkien ma’ żewġ vetturi tat-tifi tan-nar, diġà fil-proprjetà tiegħu jissieltu man-nirien. Spjega kif dawn leħqu kissru l-katnazz tal-grada, biex jilħqu n-nirien kmieni kemm jista’ jkun.
Qalilna kif il-qatgħa li ħa meta ra l-magħlef jaqbad kienet waħda kbira għax din hija t-tieni darba fi ftit snin li sab ir-razzett ħuġġieġa waħda. Dakinhar kien allega li r-razzett tqabbad apposta b’vendikazzjoni.
In-nirien li ħakmu r-razzett il-lejl li għadda, qerdu elf balla tat-tiben, li jiswew erbgħin ewro ‘l waħda. Xmun qalilna li dawn kellhom iservuh biex jagħlef il-baqar għal sena sħiħa.
Fil-proċess inħarqu wkoll żewġ vetturi li kienu fl-għalqa qrib il-balal tat-tiben, vetturi li kienu ilhom skrappjati għal xi żmien fir-razzett stess.
Dwar il-każ infetħet inkjesta Maġisterjali mmexxija mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech waqt li l-pulizija qiegħda tinvestiga biex tistabbilixxa x’wassal biex tkebbsu dawn in-nirien li sakemm konna għadna fuq il-post stajna ninntaw id-dħaħen ħerġin mill-balal tat-tiben li laħqu saru rmied.