F’dan ix-xahar stess pajjiżna mistenni jkun l-ewwel pajjiż fl-Unjoni Ewropea u t-tieni fid-dinja li t-tilqim għall-Covid-19 ikun disponibbli għal kull adult minn 16-il sena ’il fuq.
Fil-Parlament it-Tnejn filgħaxija, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li oriġinarjament pajjiżna mmira li jkun jista’ jagħti l-vaċċin lil kull persuna minn 16-il sena ’il fuq f’Santa Marija iżda issa ninsabu f’pożizzjoni li din il-mira timxi b’aktar minn xahrejn bil-quddiem.
Il-Ministru għas-Saħħa spjega wkoll li pajjiżna diġà għamel l-arranġamenti u l-ordnijiet, biex f’każ ta’ doża addizzjonali tal-vaċċin, dan ikun jista’ jsir favur l-issalvagwardja ta’ saħħet il-poplu.
Dan jista’ jsir fi sfond ta’ żviluppi marbuta mal-varjanti tal-virus.
Chris Fearne spjega wkoll li bħal ma ġara fil-Kanada, kemm il-darba, l-Aġenzija Ewropea tal-Mediċini tagħti l-barka, jibdew jitlaqqmu wkoll dawk bejn 12 u 15-il sena.