Il-proġett ta’ żona tal-kunċerti bħala parti mill-Park Nazzjonali ta’ Malta f’Ta’ Qali jinsab biss ftit ġimgħat ’il bogħod biex tiġi inawgurat proprju fl-ewwel jiem tax-xahar id-dieħel.
Dan il-proġett fdat f’idejn taqsima speċjalizzata, immexxija minn Jason Micallef, fl-aħħar snin ra li ż-żona tkun mgħammra bl-aqwa teknoloġija u faċilitajiet biex tilqa’ fiha kunċerti tal-ogħla livell u attivitajiet tal-massa, b’investiment komprensiv ta’ xejn inqas minn erbatax-il miljun ewro.
Din iż-żona l-ġdida nħolqot fuq is-sit fejn qabel kien hemm fabbrika abbandunata tal-konkos, li kienet biss qed tkerrah l-awkati. Minflok issa se tkun tista’ titgawda bl-aħjar mod minn eluf ta’ familji, kemm waqt l-istess attivitajiet li se jkunu qed jiġu organizzati, iżda anke f’ħinijiet oħrajn waqt li ma jkun hemm l-ebda attività.
Fil-fatt iż-żona bit-turf se toffri l-faċilitajiet u l-ispazju mdaqqas sew għar-rikreazzjoni tal-familji, li jkunu jistgħu jinġabru biex iqattgħu l-ħin liberu tagħhom.
Fost dawn il-faċilitajiet, din iż-żona se jkollha dressing rooms u backstage taħt l-art, klinika, control room tas-sigurtà, żewġ design kiosks u 144 toilet.
Minbarra hekk, l-ilma kollu għal din iż-żona se jittella’ minn ġibjun kbir li jinsab taħt l-ispazju aħdar tal-istess park. Iż-żona se tkun mgħassa b’kameras tas-sigurtà 24 siegħa kuljum.
Din iż-żona se tkun l-ewwel waħda tax-xorta tagħha f’pajjiżna u fl-aħħar kwart ta’ din is-sena mistennija tilqa’ fiha l-ewwel minn sensiela ta’ kunċerti internazzjonali.
Aktar dwar dan tkellimna mas-Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi, Omar Farrugia, li spjega x’se jkun l-użu ta’ din iż-żona meta ma jkunux qed jittellgħu l-kunċerti fiha.
“Hu maħsub ukoll li meta ma jkunx hemm kunċerti tkun tista’ titgawda mill-familji anke matul il-ġurnata. Jiġifieri dan hu proġett minn sensiela ta’ proġetti oħrajn fejn fihom qegħdin inkomplu ntejbu l-kwalità tal-għajxien tal-familji Maltin u Għawdxin.”
Omar Farrugia – Segretarju Parlamentari
Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali, Chris Bonett, innota kif dan il-proġett ikompli jimplimenta l-manifest elettorali ‘Malta Flimkien’.
“Dan il-post juri biċ-ċar dan il-commitment għax morna minn fabbrika tal-concrete illegali li kienet kerha, f’dik in-naħa ta’ Ta’ Qali u issa għandna wieħed mill-isbaħ postijiet milli għandna ġewwa pajjiżna.”
Chris Bonett – Ministru