“Ixorbu l-ilma.”
Dik kienet l-ewwel dikjarazzjoni ta’ Cristiano Ronaldo waqt konferenza tal-aħbarijiet qabel l-ewwel logħba tat-tim Portugiż fil-kompetizzjoni tal-EURO 2020.
Fil-fatt Ronaldo, magħruf tant għad-dixxiplina li jħaddan u l-mod ta’ kif jieħu ħsieb lilu nnifsu, malli poġġa bilqiegħda, neħħa minn quddiemu żewġ fliexken tal-Coca Cola li kienu hemmhekk għal skop ta’ reklamar.
Il-reklam tal-Coca Cola huwa sponsor uffiċjali tal-kompetizzjoni.
Malli neħħa l-fliexken minn quddiemu Cristiano Ronaldo għolla flixkun tal-ilma u qal “Ixorbu l-ilma.” Tul il-bqija tal-konferenza Ronaldo żamm il-flixkun tal-ilma quddiemu.
Din mhux l-ewwel darba li Cristiano Ronaldo kritika x-xorb tal-luminata. Fost oħrajn kien spjega li jirrita ruħu bil-kbir meta jara lil ibnu jixrob il-luminata.
Dan l-episodju seħħ ftit sigħat qabel il-Portugall se jaffrontaw lit-tim Ungeriż min Grupp F. Il-logħba ser tintlagħab fil-grawnd ta’ Ferenc Puskás, b’ħafna jgħidu li din jaf tkun l-aħħar kompetizzjoni tal-EURO li se jipparteċipa fiha Cristiano Ronaldo.