Waqt l-istess konferenza tal-aħbarijiet f’Kastilja, fejn il-Prim Ministru ħabbar ir-rilaxx ta’ ċertu miżuri, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne spjega li dawn il-miżuri setgħu jittieħdu fost oħrajn għax għandna rata ta’ vaċċinazzjoni b’saħħitha.
Fil-fatt, id-Deputat Prim Ministru semma għal ċifri pożittivi dwar ir-rata ta’ tilqim f’pajjiżna fost l-adulti.
Fost oħrajn spjega li 42% tal-adulti f’pajjiżna ngħataw il-vaċċin.
95% ta’ dawk li għandhom 80 sena jew aktar ingħataw il-vaċċin filwaqt li 86% ta’ dawk li għandhom aktar minn 70 sena ngħataw ukoll il-vaċċin.
Dwar il-miżuri b’rabta mal-edukazzjoni, id-Deputat Prim Ministru spjega li ntbagħtu 21,000 stedina lill-għalliema u ħaddiema fl-iskejjel biex jitlaqqmu.
Minnhom 18,200 aċċettaw li jieħdu t-tilqima.
B’hekk 86% ta’ dawk li jaħdmu fl-iskejjel ħadu l-ewwel doża tal-vaċċin kontra l-Covid-19.
Il-Ministru għas-Saħħa spjega wkoll li anki n-nies rikoverati fl-isptar Mater Dei kawża tal-virus tal-Covid-19 naqsu.
Saħaq li filwaqt li f’nofs Marzu kien hemm mal-140 persuna jirċievu kura fl-isptar minħabba l-Covid-19, sal-bieraħ in-numru niżel għal 41 persuna.
F’nofs Marzu wkoll kien hemm 31 persuna pożittivi għall-Covid-19 li kienu qed jinżammu fit-Taqsima għall-Kura Intensiva.
Sal-bieraħ dan in-numru niżel għal tmien persuni.
Dwar it-tilqima tal-AstraZeneca, li fl-aħħar jiem kienet fl-aħbarijiet, il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li fis-sigħat li ġejjin se jingħataw aktar dettalji dwarha mill-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini.
Sostna li Malta dejjem imxiet mar-rakkomandazzjonijiet tal-EMA.
Intant id-Deputat Prim Ministru ħabbar ukoll li mill-Ħadd 18 ta’ April, bil-protokolli meħtieġa, se jerġa’ jkun permess li jsir il-quddiesa fil-knejjes.