Id-Deputat Nazzjonalista Carm Mifsud Bonnici sostna li kien żball li fl-2020 inbidel il-Kap tal-Partit Nazzjonalista biex, floku, tpoġġa Bernard Grech.
Hu qal dan waqt intervista mal-MaltaToday u li ttrattat diversi temi, fosthom kif il-Partit Nazzjonalista baqa’ ma jistax jikseb il-fiduċja tal-elettorat. Anke skont dak li qed juri b’mod konsistenti kull stħarriġ tal-opinjoni pubblika.
Mistoqsi proprju dwar dan, Mifsud Bonnici pponta lejn il-ġlied li ħakem lill-Partit Nazzjonalista fl-aħħar snin u li, b’riżultat tiegħu, tqaċċat Adrian Delia minn Kap biex, minfloku, tpoġġa Bernard Grech.
Mifsud Bonnici rrimarka li dan kien żball, għax, skontu, Delia kellu jibqa’ sal-Elezzjoni Ġenerali tal-2022.
“Ladarba inti għażilt Kap, bħala Partit, sakemm dak il-Kap ma jiddeċidix li jirriżenja jew iwarrab jew jgħid jien daqshekk aktar fil-politika, allura inti trid tibqa’ bih sal-elezzjoni. Hu żball li inti tipprova tibdlu.”
Mistoqsi aktar dwar dak l-episodju, li se jibqa’ mmarkat bħala t-tieni konġura fl-istorja tal-Partit Nazzjonalista, wara dik ta’ George Borg Olivier fis-sebgħinijiet, Mifsud Bonnici sostna li llum il-ġurnata l-istess Partit għadu qed isofri r-riperkussjonijiet erba’ snin wara.
CMB: “Aħna ġibna gwerra ċivili ta’ Nazzjonalisti kontra Nazzjonalisti.”
ĠURNALIST: “Fieqet dik il-ferita?”
CMB: “Ma naħsibx li fieqet biżżejjed.”
Spjega wkoll li l-Partit Nazzjonalista spiċċa warrab in-nies waqt dan il-ġlied intern. Fil-fatt, iddeskriva l-aġir ta’ dak iż-żmien, xprunat anke mill-establishment Nazzjonalista, bħala “ħmerijiet”.
“Jiena għandi biża’ li ħa nkunu ħraqna nies tajbin fil-politika, minħabba fil-ħmerijiet li għamilna.”
Sadanittant, Mifsud Bonnici ġie mistoqsi wkoll dwar il-pożizzjoni tiegħu b’rabta mal-Gwerra fl-Ukrajna u l-iżviluppi Ewropej xprunati, fost oħrajn, mill-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola, biex l-Ewropa żżid fl-armamenti tagħha.
Tenna li din il-pożizzjoni mhijiex waħda feliċi.
“Anzi minn dak li qed nara, bejn minħabba l-elezzjoni Ewropea, bejn minħabba raġunijiet oħrajn, li kulħadd iddeċieda li hi inevitabbli li se mmorru għal konflitt fit-territorju Ewropew u dik hi xi ħaġa li għandna ninkwetaw ruħna fuqha.”
Carm Mifsud Bonnici sostna wkoll l-importanza li pajjiżna jżomm in-newtralità attiva tiegħu u tenna kif għandna nkunu realistiċi dwar l-involviment tagħna fi gwerra.
“Però ejja nkunu realistiċi, Malta għandha xi armamenti jew għandha tibgħat is-suldati tagħha biex jieħdu sehem fi gwerra ta’ dan it-tip?”
Minn ħafna fid-Dar Ċentrali, din qed tkun kkunsidrata bħala botta ċara lejn dak li kien sostna d-Deputat Nazzjonalista David Agius, fejn kien qal hekk…
DANIEL ATTARD: “Taqbel mal-manifest tal-Partit Popolari Ewropew, li bl-aktar mod ċar qed jitlob li, fl-immedjat, ikollna forzi armati Ewropej?”
DAVID AGIUS: “Iva.”
DANIEL ATTARD: “X’se tagħmel se tibgħat lil uliedek?”
DAVID AGIUS: “Iva.”