Carer inqabdet fuq filmat, meħud minn kamera li kienet moħbija, issabbat ras anzjana waqt li kienet qed tbiddlilha l-ħwejjeġ.
L-anzjana, li għandha 77 sena u għandha d-dimenzja, tgħix f’dar tal-anzjani u minħabba l-kundizzjoni li għandha ma tistax tfendi għal rasha b’hekk ikollha tiddependi fuq l-għajnuna tal-carers.
Il-familja ta’ Betty Boylan iddeċidew li jaħbu kamera wara li tħassbu meta raw numru ta’ tbenġil fuq ġisem ommom u kien għalekk li poġġew kamera fil-kamra tad-dar tal-anzjani f’Birmingham.
Fi ftit jiem il-filmat li ttieħed wera mumenti disturbanti, fosthom lil carer Bina Begum ta’ 49 sena, terfa’ lill-anzjana minn rasha u ssabbatha lura fis-siġġu li kienet fih.
Begum ġiet arrestata ftit wara u akkużata li ma trattatx lill-anzjana b’mod ġust. Hi ammettiet għall-akkużi miġjuba kontriha u ngħatat tnax-il xahar ta’ xogħol fil-komunità mhux imħallas u multa ta’ £270.